Nassaba ħatja li ħebbew għal tim ta’ BirdLife Malta

Żewġ nassaba jingħataw sentenza ta’ libertà kkundizzjonata wara li nstabu ħatja ta' aggressjoni fuq membri ta’ BirdLife Malta

Ritratt mehud dakinhar tal-inċident. (Ritratt: BirdLife Malta)
Ritratt mehud dakinhar tal-inċident. (Ritratt: BirdLife Malta)

Żewġ nassaba ġew ikkundannati għal sentenza ta’ libertà kkundizzjonata għal sena wara li nstabu ħatja li ħebbew u darbu ħafif żewġ membri ta’ BirdLife Malta fi żona qrib il-Magħtab tliet snin ilu.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta, Mark Sultana, wera t-tħassib tiegħu dwar kif in-nuqqas ta’ evidenza minn naħa tal-Pulizija ppermetta lill-aggressuri biex jevitaw il-konsegwenzi kollha ta’ għemilhom.

“BirdLife Malta hija familjari mal-liġijiet u r-regolamenti, u aħna nżommu magħhom b’mod strett, flimkien mal-protokolli interni tagħna maħsuba biex jipproteġu l-benesseri tal-membri tat-tim tagħna fuq il-post. Linqas li nistennew huwa kooperazzjoni sħiħa mill-Pulizija meta jseħħu dawn l-inċidenti sabiex issir ġustizzja. In-nuqqas ta’ evidenza li l-aggressuri ġew infurmati fil-ħin ippermettilhom jevitaw il-konsegwenzi kollha ta’ għemilhom. Se tintbagħat ittra lill-Kummissarju tal-Pulizija dwar din il-kwistjoni.”

L-inċident seħħ qrib il-Magħtab, meta tim ta’ BirdLife Malta kien miexi fi triq pubblika ħdejn boatyard u rrapporta nsib illegali fl-Għallis. Il-Pulizija rrispondew għalih b'mod immedjat. Meta t-tim kien sejjer lura lejn il-vettura tiegħu bil-mixi, żewġt irġiel ħarġu mill-boatyard, bdew joffendu lill-istaff ta’ BirdLife Malta u bdew jiffilmjawhom.

Meta membru tat-tim beda jirrekordja l-inċident għas-sigurtà tagħhom, wieħed mill-aggressuri pprova jaħtfilha l-mowbajl u darabha ħafif fil-proċess. L-ieħor imbutta membru ieħor tat-tim ma’ ħajt tas-sejjieħ u pprova jtiha daqqa ta’ ponn, u kkawża ġrieħi ħfief ukoll.

L-inċident ġie rrappurtat l-għassa tal-Pulizija tan-Naxxar, b’evidenza li inkludiet ċertifikati mediċi u ritratti mill-post tal-aggressjoni.

Il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace sabet liż-żewġ irġiel, Joseph Grech u Carmel Grech, ħatja li darbu ħafif lit-tim. Madankollu, huma ġew lliberati mill-akkużi relatati mal-imbuttar, l-abbuż verbali u t-theddid peress li l-Pulizija naqset milli tipprovdi evidenza li l-aggressuri ġew infurmati kif suppost fi żmien it-tliet xhur stabbiliti bil-liġi. Dawn l-akkużi għalhekk tqiesu bħala preskritti.

Joseph Grech u Carmel Grech ingħataw sentenza ta’ libertà kkundizzjonata għal sena.

More in Qrati u Pulizija