Il-pulizija tarresta żewġ irġiel b'pussess tad-droga

Wara żewġ investigazzjonijiet separati, il-pulizija jirnexxilha televa ammont ta' drogi li jiswa mal-€250,000

(Ritratt: Uffiċċju tal-Komunikazzjoni, Il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta)
(Ritratt: Uffiċċju tal-Komunikazzjoni, Il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta)

Il-pulizija rnexxiela tagħmel żewġ arresti u televa ammont ta' drogi li jiswa mal-€250,000 wara żewġ investigazzjonijiet separati.

Fl-ewwel każ ġie arrestat raġel ta’ 34 sena mill-Malażja l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta hekk kif wasal fil-pajjiż. L-arrest sar wara li l-pulizija innutaw bl-aġir suspettuż tar-raġel waqt tfittxijiet ta' rutina li kienu qegħdin isiru fuq passiġġieri differenti.

Flimkien ma' xi uffiċjali tad-Dipartiment tad-Dwana, il-pulizija sabet numru ta’ pakketti li fihom kien hemm madwar 20 kilogramma ta' sustanza fil-bagalja tar-raġel. Is-sustanza hija suspettata bħala kannabis.

Fit-tieni każ, il-pulizija arrestat Ingliż ta' 27 sena wara operazzjoni fejn il-pulizija bagħtet pakkett lill-individwu wara li kkonfiskaw pakkett suspettuż. Il-pakkett, li wasal bil-posta, kien indirizzat lill-istess raġel f'reżidenża f’Tas-Sliema u fih 2 kilogrammi droga li hija suspettata bħala kannabis.

Iż-żewġ persuni mistennija jitressqu l-Qorti quddiem il-Maġistrat Victor Axiak filwaqt li l-pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha.

More in Qrati u Pulizija