Sewwieq ta’ mutur fil-periklu tal-mewt f’inċident serju f’Għajnsielem

Raġel ta’ 32 sena minn Għawdex jinsab fil-periklu tal-mewt wara ħabta gravi bejn mutur u xarabank fi Triq l-Imġarr, Għajnsielem, kmieni dalgħodu

L-isptar Mater Dei(Ritratt: arkivji)
L-isptar Mater Dei(Ritratt: arkivji)

Kmieni dalgħodu, għall-ħabta tas-sitta neqsin kwart (0545hrs), seħħ inċident serju tat-traffiku fi Triq l-Imġarr, Għajnsielem.

Minn investigazzjonijiet preliminari tal-Pulizija li waslet minnufih fuq il-post, irriżulta li seħħet ħabta bejn mutur Yamaha misjuq minn raġel ta’ 32 sena residenti r-Rabat, Għawdex u xarabank tal-għamla Otokar misjuqa minn raġel ta’ 31 sena residenti San Pawl il-Baħar.

Tim mediku ġie msejjaħ fuq il-post u ambulanza ħadet lis-sewwieq tal-mutur l-Isptar Ġenerali t’Għawdex għal kura. Aktar tard, huwa ġie ċċertifikat li weġġa’ serjament u ġie trasferit għal aktar kura fl-Isptar Mater Dei. Is-sewwieq tal-mutur qiegħed fil-periklu tal-mewt, filwaqt li s-sewwieq tax-xarabank ma weġġax.

Il-Maġistrat Dr Brigitte Sultana LL.D ġiet infurmata bil-każ u fetħet inkjesta.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

More in Qrati u Pulizija