Investiment fis-sezzjoni tal-kavallerija tal-Pulizija

Iż-żwiemel ġodda se jieħdu post żewġ żwiemel oħra li issa rtiraw wara li għal dawn l-aħħar disa’ snin taw servizz fil-korp u fil-komunità • L-investiment fis-sezzjoni tal-Kavallerija ħaseb ukoll fl-akkwist ta’ vetturi speċjalizzati għall-ġarr ta’ żewġ żwiemel

Iż-żwiemel il-ġodda li żdiedu mas-sezzjoni tal-Kavallerija tal-Pulizija (Ritratti: Id-Dipartiment tal-Informazzjoni/il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol)
Iż-żwiemel il-ġodda li żdiedu mas-sezzjoni tal-Kavallerija tal-Pulizija (Ritratti: Id-Dipartiment tal-Informazzjoni/il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol)

Kompla l-investiment fil-Korp tal-Pulizija bis-sezzjoni tal-Kavallerija issa tikseb żewġ żwiemel kif ukoll vetturi ġodda li kull vettura kapaċi ġġorr żewġ żwiemel f’daqqa.

Iż-żwiemel ġodda, ta’ erba’ u sitt snin, inxtraw minn Limerick fir-Repubblika tal-Irlanda. Huma se jieħdu post żewġ żwiemel oħra li issa rtiraw wara li għal dawn l-aħħar disa’ snin taw servizz fil-korp u fil-komunità. Dawn iż-żwiemel kienu ngħataw bħala għotja fl-2016. Issa se jingħataw lis-Second Chance Horse Sanctuary fir-Renju Unit sabiex iqattgħu l-irtirar tagħhom hemmhekk.

L-investiment fis-sezzjoni tal-Kavallerija ħaseb ukoll fl-akkwist ta’ vetturi speċjalizzati għall-ġarr ta’ żewġ żwiemel. Kull waħda minn dawn il-vetturi, bi pjattaformi apposta, kapaċi jġorru f’kumdità kbira, żewġ żwiemel f’daqqa. L-investiment fuq il-vetturi kien ta’ aktar minn mitejn elf ewro.

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri qal li l-investiment massiċċ li sar fil-Korp tal-Pulizija, kemm fil-ħaddiema u anke fl-għodda, issa laħaq ukoll is-sezzjoni tal-kavallerija, li bl-investiment li sar, se tagħti servizzi aħjar fil-komunità. Dan ukoll jingħaqad mal-inizjattivi li l-Korp ikun aktar preżenti fil-komunità, u li wassal biex il-pajjiż mhux biss inaqqas ir-rata ta’ kriminalità iżda tibqa’ wkoll stabbli.

Min-naħa tiegħu, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà wera s-sodisfazzjon tiegħu fl-investiment qawwi li sar fis-sezzjoni tal-Kavallerija tal-Pulizija li jkompli jikkumplimenta l-investiment qawwi li sar fil-Korp tul l-aħħar snin.

Is-sezzjoni tal-Kavallerija tal-Korp tal-Pulizija kienet twaqqfet fl-1859, ħamsa u erbgħin sena wara li nħoloq il-Korp. Kienet l-ewwel sezzjoni speċjalizzata u għadha topera sal-lum il-ġurnata. B’kollox il-Kavallerija tal-Korp tal-Pulizija tgħodd ħmistax-il żiemel. Kull żiemel fil-Kavallerija tal-Korp tal-Pulizija għandu r-rank ta’ spettur.

Xogħol il-Kavallerija jvarja minn patrols, preżenza waqt attivitajiet tal-massa u logħob sportiv, sa skorti ċerimonjali ta’ kapijiet ta’ stat waqt żjarat statali u preżentazzjoni ta’ kredenzjali minn ambaxxaturi. Issa bl-akkwist ta’ żewġ vetturi għall-ġarr taż-żwiemel, il-Kavallerija tal-Pulizija se tkun tista’ tifrex aktar il-preżenza tagħhom fl-ibliet u fl-irħula ferm ’il bogħod mill-kwartieri tagħha fil-Marsa.

More in Qrati u Pulizija