Godfrey Gambin, raġel ta’ 48 sena, ingħata sentenza ta’ erba’ snin ħabs u multa ta’ €11,600 wara li nstab ħati tal-qtil involontarju ta’ Mary Jane Turner, omm ta’ tlett itfal, f’inċident tat-traffiku fl-2017.
L-inċident seħħ fi Triq Sir Temi Zammit, it-triq li twassal mill-Mosta għall-Imġarr, fl-20 ta’ Awwissu 2017.
Gambin instab ħati wkoll li weġġa' serjament lil Billy Joel Zammit.
L-ispettur tal-pulizija Denise Camilleri, li kienet fost l-ewwel li waslet fuq il-post, xehdet li ssejħet fuq il-post minħabba inċident tat-traffiku li seħħ fi Triq Temi Zammit, L-Imġarr.
Fix-xhieda tagħha, Camilleri qalet li l-karozza misjuqa mill-akkużat kienet maqluba u li rat lil Gambin mimli demm. Turner, li kienet il-passiġġiera tal-karozza maqluba, ġiet iċċertifikata mejta fuq il-post.
Camilleri rrapportat ukoll li rat Mazda Demio mwaħħla fuq il-bankina fuq in-naħa l-oħra tat-triq. Il-karozza kienet ta’ Billy Joel Zammit, li wkoll sofra ġrieħi gravi minħabba l-ħabta.
L-ispettur Camilleri qalet li Zammit qalilha li kien qed isuq fit-triq lejn L-Imġarr meta f’daqqa waħda ra karozza ġejja lejh fl-istess korsija tiegħu. Qal ukoll li kellux biżżejjed ċans biex jevita l-karozza li kienet ġejja lejh b’veloċità qawwija, u għalhekk il-karozzi ħabtu direttament.
Meta xehed fl-inkjesta maġisterjali, Zammit qal ukoll li l-karozza tal-akkużat daħlet dritt għal ġo fih, u li mal-impatt, il-ħġieġa tal-windscreen tfarrket u l-karozza tiegħu daret darbtejn qabel spiċċat fuq il-bankina tan-naħa l-oħra tat-triq.
It-Tlieta filgħodu, il-maġistrat Caroline Farrugia Frendo issentenzjat lill-akkużat għal erba’ snin ħabs, tatu multa ta’ €11,600, u ssospendietlu l-liċenzja tas-sewqan għal tliet xhur.
L-ispettur Godwin Scerri mexxa l-prosekuzzjoni.