Jiżdied l-abbuż fuq l-anzjani
Madwar id-dinja kollha, llum 15 ta’ Ġunju qed ikun iċċelebrat il-Jum Dinji għall-ħarsien kontra l-abbuż fuq l-anzjani. L-abbuż fuq l-anzjani jista’ jkun dirett, bħal abbuż fiżiku jew psikoloġiku kif ukoll indirett, billi l-anzjani ma jingħatawx il-kura u l-għajnuna meħtieġa dovuta lilhom minn dawk li suppost qed jagħtu kashom u jieħdu ħsiebhom.
minn Frederick Attard
Dan l-abbuż jista’ jsir kemm fid-dar tal-anzjan stess, fid-dar tal-qraba tagħhom kif ukoll fid-djar residenzjali tal-anzjani, kemm privati u f’dawk pubbliċi. Hemm ukoll l-abbuż finanzjarju fuq l-anzjani li jista’ jsir kemm minn membri tal-familja tagħhom kif ukoll minn dawk stess li qed jieħdu ħsieb l-anzjani.
Illum qed niffaċċjaw żieda fil-popolazzjoni t’anzjani li magħha tiżdied il-lista ta’ pazjenti li jkollhom bżonn kura. Wieħed ma jistax irażżan l-abbuż fuq l-anzjani jekk ma jħarisx u jgħin ukoll lil dawk l-individwi li qed jagħtu kas tal-anzjani nfushom, kemm jekk huma familjari jew inkella carers professjonali. Spiss, dawn l-individwi jħossu rwieħhom mifluġin.
Tinħass għalhekk il-ħtieġa ta’ aktar Respite Homes, Day Centres u Night Shelters biex inkomplu nagħtu kas tal-anzjani bir-rispett kollu dovut lilhom u b’hekk jitnaqqas l-abbuż fuq l-anzjani tagħna.
ILLUM tkellem mas-Segretarju Parlamentari responsabbli għad-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità u anzjanità attiva, Justyne Caruana li fil-kummenti tagħha qalet li din il-ġenerazzjoni ta’ anzjani Maltin irnexxielha tagħmel affarijiet kbar għall-pajjiżna, li kkontribwixxiet u għexet bidliet soċjo ekonomiċi importanti.
Caruana qalet li sfortunatament, dan l-aħħar qegħdin naraw żieda ta’ każijiet ta’ abbuż fuq l-anzjani. “Fl-aħħar tas-sena 2012, kellna kważi kwart tal-popolazzjoni li kellhom 60 sena jew iżjed. Fiż-żmien li ġej, il-popolazzjoni ta’ persuni ta’ ’l fuq minn 65 sena ser jiżdied għal madwar 111,000. Għalhekk, dawn l-anzjani għandhom iżjed ċans li f’ħajjithom jesperjenzaw ċirkostanzi ta’ riskju t’abbuż fuqhom.”
Hi saħqet li llum għandna nappoġġjaw il-Jum Dinji dwar l-Għarfien kontra l-abbuż fuq l-anzjani. Kompliet li dan il-jum għandu jservi bħala sejħa għal azzjoni għall-individwi, organizzazzjonijiet u komunitajiet biex jieħdu pożizzjoni kontra l-abbuż fuq l-anzjani u jippjanaw għal-legiżlatura u politika li jipproteġu l-anzjani vulnerabbli.
Caruana qalet ukoll “Il-ħtieġa ta’ liġi dwar l-abbuż fuq l-anzjani hija reali u għalhekk sa mill-bidu nett minn meta bdejt inservi bħala segretarju parlamentari għad-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità u anzjanità attiva, bdejna naħdmu fuq sensiela ta’ liġijiet. Għalhekk, għandi l-pjaċir inħabbar li l-kabinett approva l-ewwel abbozz ta’ liġi li permezz tiegħu ser jiġu introdotti reati ġodda relatati mal-abbuż fuq l-anzjani u li jġorru pieni iktar ħorox appuntu għal min iwettaq dan it-tip ta’ abbużi.”
Fil-kummenti tagħha spjegat li dawn huma l-ewwel minn fost sensiela ta’ amendi li ser isiru filwaqt li diġà tħejja abbozz dwar il-Kummissarju tal-Anzjani kif ukoll qed jiġu abbozzati amendi oħra lill-Kodiċi Ċivili u lill-Kodiċi ta’ Proċedura.
Qaltilna wkoll li fiż-żmien li ġej, is-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u anzjanità attiva ser ikun qiegħed iħabbar ukoll strateġiji politiċi li jiffaliċitaw il-ġbir u l-analiżi ta’ informazzjoni fuq l-abbuż fuq l-anzjani minn sorsi differenti u dan għaliex s’issa f’pajjiżna m’għandniex mezz kif dan isir.
Temmet tgħid li x-xahar id-dieħel, is-segretarjat se jimbarka fuq proġett ta’ outreach fil-komunità biex jilħqu aktar anzjani u l-bżonnijiet tagħhom. “Permezz tas-Segretarjat tiegħi irrid nippromwovi aktar il-kura tal-anzjani għaliex il-kura tal-anzjani mhix biss obbligu morali iżda hija obbligu legali tal-familja tal-anzjan jew anzjana. Dan il-Gvern ser ikun attent ħafna għal każijiet fejn l-anzjani tagħna mhux ser jiġu kkurati minn min għandu l-obbligu li jagħmel dan u dan mingħajr ma bl-ebda mod jabdika mill-obbligu li jipprovdi s-servizzi lil min għandu bżonnu.”
Tkellimna wkoll mal-Onorevoli Mario Galea, kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-anzjani li spjega ma’ ILLUM li l-abbuż fuq l-anzjani hu ħafna aktar komuni milli naħsbu. Galea qal li fl-Istati Uniti biss kull 2.7 minuta persuna anzjana tisfa vittma ta’ abbuż. U minn kull 10 każijiet ta’ abbuż fuq l-anzjani, wieħed biss jiġi rrappurtat. F’każ ta’ abbuż finanzjarju, każ wieħed biss minn kull 25 jiġi rrappurtat.
Żied jgħid li l-anzjani huma nies vulnerabbli. Meta jkunu jiddependu minn ħaddieħor ikunu f’riskju akbar li jsofru abbuż. Min jieħu ħsiebhom jista’ jibda jaħseb u jemmen li l-anzjani fdati f’idejhom huma propjetà tagħhom u allura jistgħu jagħmlu bihom li jridu.
Galea għamilha ċara li f’Malta għadna nindukraw l-anzjani tagħna b’ħafna għożża. “L-abbuż hu l-eċċezzjoni u mhux ir-regola imma jeżisti. U jista’ jkun qed iseħħ taħt għajnejna stess u ma nindunawx. Jista’ jkun ukoll każ fejn anzjani jiġu sfurzati jbiddlu t-testment tagħhom.” Qal li meta kien Segretarju Parlamentari kellu każ fejn anzjan rikoverat f’residenza nduna li mill-kont bankarju tiegħu kienu ntefqu mijiet ta’ ewros fi stabbiliment li jbiegħ affarijiet tat-trabi. Irriżulta li kienet it-tifla tiegħu stess li serqitlu l-karta tal-kreditu.
Galea rrakkonta każ ieħor, żewġ anzjani, li kienu bedridden u li kienet tieħu ħsiebhom in-neputija tagħhom. Din kienet tmur taħsilhom u titmagħhom darba kuljum fil-5pm imbagħad issakkar il-bieb ta’ barra u titlaq lejn darha filwaqt li l-anzjani kienu jibqgħu waħedhom sal-għada fil-5pm. Bil-ġuħ, bil-għatx... ġol-ħmieġ tagħhom stess għall-24 siegħa. Semma’ wkoll każ ieħor fejn anzjani f’residenza sfaw abbużati sesswalment.
Mario Galea qal li rridu ngħinu lil min qed jieħu ħsieb l-anzjani billi fost oħrajn inżidu r-respite beds u anki n-night shelters. “Ħasra li dan il-gvern s’issa la żied ir-respite beds u anqas in-night shelters.” Kompla jgħid “irridu niġġieldu dan l-abbuż billi nkabbru t-tagħrif. Irridu nagħmluha aktar faċli li l-anzjani jirrapportaw każijiet ta’ abbuż. Fi żmien li kont Segretarju Parlamentari kont waqaft il-Kummissarju tal-Anzjani li fost oħrajn għandu r-responsabbiltà li jinvestiga każijiet ta’ abbuż fuq anzjani. Din hija kariga ġdida u għad trid tiżviluppa aktar. Dan l-uffiċċju jista’ jkollu helpline b’numru faċli fejn ikunu jistgħu jiġu rrappurtati abbużi fuq l-anzjani”.
Galea żied li ħafna anzjani li jkunu qed isofru abbuż jibżgħu jitkellmu għax jaħsbu li tista’ tiġihom agħar u allura jibqgħu siekta. Temm jgħid li persuna li kienet vittma ta’ abbuż għal snin twal kienet kitbet hekk “Hawn min ma jixtieqx jorqod għax jibża’ minn ħmar il-lejl. Hawn oħrajn li jibżgħu jqumu għax kif iqumu jibda l-ħmar il-lejl.”