F’Malta hawn b’kollox 39 dar tal-anzjani, li l-maġġoranza tagħhom huma mmexxija minn kumpaniji privati.
Fil-fatt, minn 39 dar, huma biss tlieta mmexxija mill-Gvern, filwaqt li tlieta oħra huma jinsabu taħt kuntratt bejn l-istat u kumpanija privata. Tmienja oħra huma mmexxija mill-Knisja, filwaqt li l-kumpament tad-djar (25), huma mmexxija mill-privat.
Dan ħareġ minn mistoqsijiet li l-ġurnal ILLUM bagħat lis-Segretarju Parlamentari tal-Anzjanità Attiva, Malcolm Paul Aguis Galea.
Meta mistoqsi x’jagħmlek eleġibbli biex tidħol f’dawn id-djar, is-Segretarju Parlamentari wieġeb li kwalunkwe individwu ta’ 60, jew akbar, huma eleġibbli biex japplikaw għal kura fit-tul ġo dar tal-anzjani.
Agius Galea żied jgħid li “hemm tim multidixxiplinarju li jieħu ħsieb l-assessjar tal-applikazzjonijiet, fejn dan it-tim jevalwa l-livell ta’ dipendenza tal-applikant u l-prijorità li għandha tingħata lill-applikazzjoni.”
Huwa temm billi spjega kif it-tip ta’ dar li individwu jikkwalifika għaliha, tiddependi skont il-faċilitajiet ipprovduti, x’sodod huma disponibbli, u kemm id-dar inkwistjoni hija tajba biex tindirizza l-ħtiġijiet tas-saħħa tal-applikant.
Għaldaqstant, ħarsa lejn is-sit uffiċjali tal-Gvern turi li hemm persuni oħra li jistgħu jkunu eleġibbli, inkluż, persuni li jbatu mid-dimensja, u persuni li ma jistgħux jiġu afdati jgħixu weħidhom fid-dar tagħhom minħabba kundizzjoni medika.
Applikazzjoni u ħlas
Wieħed jista’ japplika sabiex jidħol f’dar tal-anzjani minn fuq is-sit uffiċjali tal-Gvern fejn isib il-formola diġitali. Il-formola, għandha tiġi sottomessa fuq l-istess sit diġitali flimkien ma’ rapport mediku tat-tabib tal-familja u kwalunkwe rapporti mediċi mill-isptar.
Meta l-applikazzjoni tintbagħat, kif semma s-Segretarju Parlamentari, din tispiċċa f’idejn tim magħmul minn nies ta’ professjonijiet varji mis-settur mediku. Dawn it-tobba, infermiera, terapisti u ħaddiema mill-qasam soċjali jassessjaw is-servizzi li għandu bżonn l-applikant u kemm hi urġenti l-applikazzjoni. Bis-saħħa ta’ dan l-assessjar, huma jkunu jistgħu jiddeċiedu liema dar hi l-aħjar skont l-esigenza tal-applikant.
Kull min jiġi aċċettat ġo dar tal-anzjani għandu jħallas 60% tal-pensjoni tiegħu jew 60% ta’ kwalunkwe dħul ieħor sabiex igawdi minn dan is-servizz. Propjetà, eskluż id-dar fejn jgħix l-applikant, tgħodd bħala sors ta’ dħul li trendi 5.5% fi qligħ tal-valur kull sena.