Il-Papa Franġisk ingħata l-aħħar tislima
Il-funeral jibda fl-10am fil-Pjazza ta’ San Pietru • Delegazzjoni Maltija preżenti għall-funeral

Il-Papa Franġisku
More in Socjali
Il-funeral jibda fl-10am fil-Pjazza ta’ San Pietru • Delegazzjoni Maltija preżenti għall-funeral
Il-mibki Papa Franġisku ingħata l-aħħar tislima fil-Bażilika ta’ Santa Marija Maggiore.
Il-funeral tiegħu beda minn quddiem il-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan, fejn nies mid-dinja kollha inġabbru sabiex jagħtu qima lill-Papa.
Preżenti għall-funeral hemm il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, flimkien mar-raġel tagħha Anthony Spiteri Debono. Fid-delegazzjoni Maltija hemm ukoll il-Prim Ministru ta’ Malta Robert Abela, ma’ martu Lydia Abela u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.
Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qiegħda preżenti wkoll.
Fost figuri oħra prominenti fid-dinja tal-politika hemm il-President Amerikan Donald Trump u l-President tal-Ukraina Volodymyr Zelenskyy. Kelliema taż-żewġ presidenti kkonfermaw li Trump u Zelenskyy intaqgħu u tkellmu qabel il-funeral, u li ħa jerġgħu jintaqgħu wara l-funeral għall-iżjed diskussjonijiet. Din kienet l-ewwel darba li ż-żewġ presidenti tkellmu wara l-laqgħa tagħhom fil-White House fi Frar li għadda.
Il-Papa Franġisku, li kien qed jaffaċja problemi ta’ saħħa f’dawn l-aħħar xhur, miet wara li tagħtu puplesija t-Tnejn ta’ wara l-Għid. Ġurnata qabel il-mewt tiegħu, hu indirriza folla minn fuq il-gallarija tal-Vatikan waqt il-Għid.
It-tebut tiegħu wasal quddiem il-Bażilika ta’ San Pietru nhar l-Erbgħa b’purċissjoni, fejn il-katavru tiegħu kien mikxuf f’ tebut tal-injam. Hu kien imlibbes il-ħwejjeġ tal-Papa, bil-mitra fuq rasu.
Hu ħa jindeffen fil-Bażilika ta’ Santa Marija Maggiore, differenti mill-papiet l-oħra li normalment jindifnu fil-Bażilikta ta’ San Pietru.
Il-funeral beda fl-10am is-Sibt. Il-Kardinal Giovanni Battista Re, id-dekan tal-Kulleġġ tal-Kardinali kien qiegħed iqaddes, b’purċissjoni li bdiet mill-Bażilika ta’ San Pietru. Skont ix-xewqiet tal-Papa, hu ried li jindiffen f’tebut wieħed minflok tlieta kif isir tradizzjonalment.
Wara l-funeral, il-Vatikan ħa jidħol f’perjodu ta’ sede vacante, fejn il-Kulleġġ tal-Kardinali jridu jagħżlu papa ġdid.
Il-konklavi ħa jibda madwar ġimgħatejn oħra, b’kardinali taħt it-80 sena jivvutaw,
Il-proċedura tal-elezzjoni ħa ssir b’mod sigriet u l-papa magħżul jiġi mħabbar bid-dikjarazzjoni tradizzjonali “Habemus papam.”