L-industrija tar-ristoranti f’Malta

Il-gazzetta ILLUM tpoġġi mal-President tal-ACE, assoċjazzjoni li tirrapreżenta l-istabbilimenti fis-settur tal-catering, Michelle Muscat sabiex titkellem fuq xi diffikultajiet li qed jaffaċjaw dawn l-istabbilimenti fil-klima ekonomika kurrenti 

Michelle Muscat, il-president tal-għaqda ACE
Michelle Muscat, il-president tal-għaqda ACE

Is-settur tal-catering jaffettwa lil Malta kollha, kemm jekk inti taħdem fih, kif ukoll jekk inti tmur tiekol f’ristorant darba kultant. F’Malta, fejn l-ekonomija tiddependi ħafna fuq is-settur tal-ospitalità, kif qed titmexxa din l-industrija kruċjali? Il-ġurnal ILLUM tkellem mal-President tal-assoċazzjoni li tirrapreżenta s-settur tal-catering fuq kif inbidlet din l-industrija. 

Muscat qalet fuq kif il-konsumaturi bidlu l-moda ta’ kif in-nies jonfqu. “L-ikel qatt ma jonqos,” hi qalet, hekk kif kemm meta n-nies ikunu mdejqa u anke kuntenti, huma ħa jinfexxu fl-ikel. 

Hi nnutat li għalkemm in-numru tal-klijenti ma naqasx, l-ammont li jonqfu naqas. Illum il-ġurnata n-nies qegħdin joqogħdu iżjed kawti fuq kif jonfqu flus u forsi minflok jonfqu €20, jonfqu €10.  

Saret enfasi fuq il-bidla li ħadet l-industrija tal-catering bl-introduzzjoni tad-deliveries bil-couriers li saru popolari fiż-żmien il-pandemija u baqgħu pjuttost popolari. Hi sostniet li avolja dawn saru iżjed popolari, speċjalment għal postijiet bħal uffiċini waqt l-ikel, il-Malti jħobb joħroġ.  

Semmiet moda oħra fejn ħafna nies illum il-ġurnata jippreferu li waqt festi jew okkażjonijiet speċjali jsajru xi ħaġa d-dar minflok imorru jieklu xi ħaġa barra. 

“Għadu kmieni sabiex naraw dan l-impatt,” ikkummentat Muscat rigward jekk it-tariffi sospiżi tal-Gvern Amerikan hux qed jaffettwaw l-industrija. Madanakollu, hi aċċennat li iżjed ħa tħalli impatt il-gwera ekonomika kurrenti hekk kif Malta hi parti mill-Unjoni Ewropea, allura tista’ taffettwana anke b’mod indirett. 

B’referenza għar-rapport li l-ACE ppubblikat fi Frar li għadda, Muscat qalet li bħalissa hemm diskussjonijiet għaddejjin mal-Ministru rigward l-iSkills Pass u l-effett li qiegħda tħalli fuq l-industrija. 

L-industrija tal-catering hija l-unika waħda li wieħed jirrikjedi Skills Pass sabiex jaħdem fiha. Il-President tal-Għaqda spjegat li dan ifisser li għall-barranin li ġejjin minn pajjiżi terzi jaqblilhom iżjed jaħdmu f’setturi oħra milli f’dan.  

“Inħossu li din hija forma ta’ inġustizzja,” tgħid hekk kif l-iSkills Pass għalissa ġiet imponuta biss fuq dan is-settur. Dan ħa jinħass l-effett tiegħu iżjed fis-sajf meta d-domanda għall-ħaddiema f’dan is-settur, speċjalment b’mod staġjonali, tiżdied.  

Barra minn hekk, qegħdin jinħolqu sitwazzjonijiet fejn ħaddiema tal-kċina jew fattigi li jakkwistaw l-iSkills Pass jitolbu pożizzjoni ogħla hekk kif issa huma aktar ikkwalifikati. Riżultat ta’ dan, ikun hemm ċerti karigi essenzjali li ħadd ma jkun irid jimliehom. 

Muscat tkellmet ukoll fuq kif l-assoċjazzjoni tkellmet fuq l-eżami nnifsu sabiex wieħed jakkwista l-iSkills Pass. Hi qalet li kien hemm membri tal-Kunsill stess li għamlu l-eżami, li huma wkoll sabuh pjuttost diffiċli. Dan ħa jinħass iżjed diffiċli minn ħaddiem li għadu kif jasal Malta b’inqas esperjenza. 

L-istess assoċjazzjoni tkellmet fil-passat fuq kif il-metodoloġija tal-iSkills Pass mhijiex l-iżjed waħda prattika hekk kif hi waħda universali. Skontha, l-iSkills Pass mhijiex utli daqskemm suppost għandha tkun.  

Hi għamlitha ċara li l-assoċjazzjoni hija favur il-miżura tal-iSkills Pass u li min jiġi Malta għandu jagħti valur lill-industrija. Avolja, l-iSkills Pass kif qiegħda bħalissa qed tagħmel iżjed ħsara milli ġid.  

Miżura oħra li semmiet kienet tal-BCRS u kif din qed taffettwa l-industrija. Muscat tirrikonoxi li f’dawn l-aħħar xhur saru ħafna tibdiliet għall-aħjar f’din il-miżura. Hi sostniet kif il-BCRS dejjem kienet koperattiva mal-għaqda. Madankollu, għad hemm xi tentufiet żgħar li huma iżjed t’inkonvenjenza milli qegħdin itellfu.  

“Is-suq żgur mhux qed imut,” qalet il-President tal-Għaqda. Hi qalet li kien mistenni li fis-sena li għaddiet l-istabbilimenti tal-catering ma kinux ħa jagħmlu qligħ kbir. Muscat qalet li llum għandna oversupply fl-industrija li qed joffru l-istess, b’ċerti lokalitajiet ikollhom tal-inqas tmien stabbilimenti joffru l-istess ħaġa bl-istess prezz. 

“Qabel kellna kejk maqsum bejn erbgħa. Illum għandna muffin maqsuma bejn sittax,” spjegat Muscat hekk kif qalet li l-purchasing power tan-nies hu li hu, u stabbilimenti li jimmiraw għall-istess niċċa ta’ nies mhux ħa jagħmlu suċċess kbir. 

Kompliet tgħid, li hemm madwar 500 applikazzjoni sabiex jiftħu stabbilimenti ta’ dawn it-tip. Meta wieħed iqis li bħalissa hemm madwar 4,000 stabbiliment, din ħa tkompli żżid mal-problema. 

More in Socjali