
Tiġġieled kontra l-mediċina konvenzjonali u l-ikel li joqtol
minn John Busuttil

Iltqajt ma’ Lidia Babenko (Ukhaneva) waqt riċeviment tal-kummissarju għoli Indjan f’Santa Venera. Innutajt li ma bdiet tiekol xejn milli offrewlha, tkellimna u qaltli li hu l-ikel li qed joqtol daqshekk nies bil-kanċer, bid-dijabete, bil-mard tal-qalb eċċ eċċ. Weġibtha li mingħajr ikel il-bniedem ma jistax jgħix u din qaltli li hemm ikel alternattiv li jbiegħdek mill-mard u hemm anke ikel li jgħinek tiġġieled il-mard u l-mediċina konvenzjonali li fiha dejjem hemm effetti sekondarji.
Sirt naf li Lidia hi nofsha Ukrena u nofsha Russa. Għandha 54 sena, omm Anton ta’ 26 sena li jaħdem fl-IT u miżżewġa raġel Malti għal dawn l-aħħar sitt snin. Matul ir-riċeviment kollu ma waqfitx titkellem dwar l-ikel nutrittiv u dwar il-ġlieda kontinwa tagħha kontra l-mediċina konvenzjonali, speċjalment li Lidia hi tabiba, eżattament psikjatra u taf eżatt dwar il-mediċina li kienet qed tiddiskuti miegħi. Iddeċidejt li nerġa’ niltaqa’ magħha u nintervistaha bħala gladjatur mhux tas-soltu, gladjatur li quddiemha għandha ġlieda mhux faċli li tirbaħ. Iżda fit-tieni okkażjoni li ltqajt magħha, f’ċentru tas-sbuħija San Pawl il-Baħar, reġgħet issorprendietni bi storja ta’ ħajjitha u b’dak li qed tiġġieled għalih bla heda.
Ilha tgħix Malta għal dawn l-aħħar 17-il sena u ma ġietx Malta biex tbiegħ lilha nnifisha kif inhi l-perċezzjoni għal kull mara Russa li tiġi Malta. Qaltli li kif waslet Malta kienu l-ħafna li x’ħin jarawha kienu joffrulha Lm100 għas-sess. “Ġo fija kont ngħid niswa mhux ħażin jien, iżda kont ninħaraq li lili jarawni bħala oġġett sesswali, meta jien ġejt Malta biex nintroduċi l-mediċina alternattiva mal-Maltin.” Kompliet tgħidli li tweġġa’ meta l-Maltin iqisu lil kull mara Russa bħala prostitute. “Jien studjajt sew l-istorja tal-Maltin u qrajt bl-istorja tal-kunjom Spiteri li ġie mill-ospidalieri, li kienu wlied il-prostituti tal-kavallieri. Smajt ukoll dwar il-prostituti Maltin li kienu jmorru mal-baħrin Amerikani. Naf ukoll li kien hemm żmien fejn id-dinja ta’ prostituzzjoni f’Londra kienet immexxija mill-Maltin. Qabel jiġġudikawna aħjar kulħadd jirifletti ftit dwar dan” qaltli Dr Lidia, kif jafuha l-ħafna.
Din il-mara ta’ intelliġenza kbira, b’filosofija ta’ meditazzjoni hi psikjatra professjonali u kienet taħdem fi sptar tal-psikjatrija Russu. Kienet ukoll taħdem f’ħabs ta’ ‘criminally insane’, fejn il-pazjenti tagħha kienu jkunu suldati mill-Afganistan u żgħażagħ abbandunati mill-ġenituri tagħhom u dawk irrifjutati mis-soċjetà li ħafna drabi kellhom valuri aktar minn tas-soċjetà nnifisha li kienet tiġġudikahom. “Bdejt ninduna li l-mediċina li qed nagħtuhom ma kinitx tfejjaqhom iżda tiddipressahom. Iżda qabel il-prejistrojka ma stajna nagħmlu xejn. Konna ngħixu fi stat fejn qas biss konna nitħallew inkunu nafu dwar x’inhu jew min hu Alla. Mhux hekk meta kont nara xi stampa tal-Madonna kont naħsibha li hi Joan of Arc ma kont naf xejn dwar dik li tissejjaħ omm Kristu jew omm Alla. Aħna konna iżolati għal kollox mid-dinja barra r-Russja. Jekk tinqabad tagħmel il-yoga konna niġu mitfugħa l-ħabs. Il-prejistrojka tatna opportunitajiet ġodda. U kien hawn li ltqajt mal-professur Groff li laqqagħni lili u lil tobba oħra mal-mediċina alternattiva. Għażilt li nesperimenta f’dan it-tagħlim u ndunajt kemm kont qed ngħix f’dinja żbaljata. Tgħallimt inħobb biss, u l-imħabba lejn kollox u kulħadd tbiegħdek minn kull tip ta’ ossessjoni u minn kull vjolenza.
“Is-sistemi li kont ngħix fihom riedu jaqsmu lil poplu bejn it-tajjeb u l-ħażin. Taf li fi żmien il-prejistrojka fir-Russja kien hemm 5 miljun tfal bla saqaf? U r-Russja kien jinteressaha biss li tibda gwerra maċ-Ċeċnja. Ma kien hawn l-ebda liġijiet fir-Russja, iżda kriminalità organizzata biss. Kont naħdem l-isptar filgħodu u l-ħabs filgħaxija u kont ninnota li l-kriminali li kienu jiġu l-isptar kienu l-istess pulizija ta’ filgħodu.”
Staqsejtha kif għażlet Malta, qaltli li binha kellu aċċident fejn ħa daqqa ta’ bandla tal-ħadid u għamlitlu ħsara fil-kilwa u beda sejjer lura anke minħabba l-kesħa tar-Russja. Kellha ħabib Russu li kien jgħix Malta u ħajjarha tiġi hawn biex tippratika s-sistema ta’ kura b’mediċina alternattiva. “U hawn ibni Anton beda ġej f’tiegħu bit-temp sħun ta’ Malta.”
Bdiet turini speċi ta’ kaxxa mwaħħla ma’ kompjuter li tiġi użata min-NASA. “Kull organu tal-ġisem jitfa’ sinjal u din il-magna tiġbdu u titfgħu fuq il-kompjuter u b’hekk inkunu nafu jekk xi ħaġa mhux solita tkunx qed tikber f’ġismek u b’hekk inkunu nistgħu nipprevenu kull bidla fil-ġisem. Anke jekk ikollok bidu ta’ dijabete din il-magna taqbad il-frekwenzi.”
Imbagħad qaltli b’dak li ġralha disa’ snin ilu. “Qatt ma kont naf li x-xita li kont niġri fiha fir-Russja kienet xita minn Chernobyl għax lilna hemmhekk qatt ma qalulna xejn. U meta kont Malta tfaċċali kanċer tal-imsaren. Għamilli l-operazzjoni Mr Swayne u sabuli tumur li kien fih 8 ċentimetri. Wara riduni nagħmel il-kimoterapija u jien ma ridtx. Għidtilhom li ġismi tiegħi u mhu se jindaħalli ħadd x’kimika nitfa’ fih. Ma ridtx immut bl-effetti tal-kimoterapija. U emmint li l-uniku mod li nista’ nsalva kien li nibdel l-ikel li kont qed niekol. Sirt veġetarjana stretta, lanqas bajda ma nieħu u fl-istess ħin bdejt nieħu xi supplimenti veġetali li bdejt inġib minn Bali li mhumiex għoljin wisq. U dawn il-kapsuli li magħmulin mill-ħxejjex ma fihom ebda effetti sekondarji.” Illum għaddew disa’ snin u Lidia mingħajr kimoterapija għadha magħna.
Sadattant fetħet ristorant u kafetterija speċjali fil-Marsa, fejn wieħed seta’ jsib kafè jew xarba naturali għal kull kundizzjoni li għandu. Kien hemm diversi drug addicts li għenithom joħorġu mill-problema tagħhom u anke għallmithom isajru ikel veġetarjan. “Kull ikla trid tkun ‘sweet, sour’, salty, bitter, spicy u Astringent’ dawn l-ingredjenti kollha jridu jkunu f’ikla sħiħa. Dawn il-fast foods li qed nidraw nieklu l-uniku togħmiet li jkollhom huma l-imluħa, il-qrusa u l-ħlewwa u dawn flimkien iħalluk dejjem bil-ġuħ u bl-aptit li tiekol iżjed għax il-ġisem ikun irid t-togħmiet l-oħra wkoll biex iħossu sodisfatt.” Hawnhekk tbissimt u għidtilha li jien inħobb ħafna l-għaġin u dlonk weġbitni “pasta basta.”
Kompliet tgħidli li qed tagħmel minn kollox biex anke l-isptarijiet jaċċettaw din il-mediċina alternattiva u joħolqu dipartiment għaliha. “Hemm bżonn li l-poplu jeduka ruħu f’din il-mediċina alternattiva li bit-tip ta’ ikel li tiekol u bis-supplimenti naturali tkun mediċina preventiva. Tista’ tiekol tajjeb mingħajr ma tiekol ikel li jivvelenak.
“Kelli nannti r-Russja li kienet tfejjaq bil-ħxejjex aromatiċi u meta kont qed nistudja għal tabib kont nidħak biha. Iżda hu fatt li mill-bidu taż-żmien il-fejqan kien isir bil-pjanti u bit-talb. U dan il-fatt mhux xi ħaġa li qed ngħidu l-ewwel darba jien f’Malta. Meta mort Għawdex u żort id-dar ta’ Frenċ tal-Għarb ħassejt spiritwalità qawwija u ndunajt li dan kien juża l-istess metodi li kienet tuża nannti, it-talb u l-pjanti u l-imħabba kbira għal komunità. Nixtieq inwassal messaġġ importanti minn hawn li ‘the right food extends life’… l-ikel bnin jestendi l-ħajja.”
Komplejna niddiskutu l-meditazzjoni tal-guru Indjan tagħha, dwar ikel u anke riedet turini kif infejjaq il-pressjoni għolja tiegħi, iżda kien sarli l-ħin u wegħedtha li mmur darb’oħra. Insomma Dr Lidia hi persuna li skont hi hemm min jgħidilha ‘the crazy Russian doctor’ iżda jibqa’ fatt li dak li qed tiġġieled favurih ippruvatu hi stess u jidher li rnexxa.

