Jum il-Missier

Illum infakkru ‘Jum il-Missier’. Bħalma tajna ġieħ lil Omm matul ix-xahar ta’ Mejju, xieraq illi issa nagħmlu l-istess ma’ waħda miż-żewġ kolonni li fuqhom tistrieħ il-familja. Il-għaliex jekk fi ħdan l-Omm jinġabru l-ulied bħalma l-qroqqa ddur b’uliedha, il-Missier huwa t-tmun li b’għaqal irid ireġi l-bastiment qalb il-ħalel u l-mewġ tal-ħajja sa ma jwasslu hieni fil-port.

Bħall-Omm, il-missier jeħtieġlu jagħmel għadd ta’ sagrifiċċji biex jara li fil-familja ma jkun jonqos xejn, u għalkemm ħafna drabi jkun barra fuq ix-xogħol, ħsiebu xorta waħda jkun id-dar, meta b’mod speċjali warajh ikun ħalla lil xi ħadd ma jiflaħx, mhux f’sikktu kif imiss.
Il-ħajja fuq ix-xogħol mhux dejjem ward u żahar; mhux darba u tnejn il-missier ikollu jishar biex jara jġibx xi ħaġa iktar id-dar biex ikun jista’ jlaħħaq ix-xlief. Drabi oħra jkollu saħansitra jħalli art twelidu biex jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum u jkun jista’ jeduka lil uliedu. Fi ftit kliem, huwa tassew floku li f’din il-għodwa niftakru fil-missier li tant jagħmel biex iġib ’il quddiem lill-familja.
Irridu niftakru wkoll f’dawk il-missirijiet anzjani li llum forsi qegħdin f’xi qiegħ ta’ sodda nkella f’xi dar tax-xjuħ. Dawn forsi jeħtieġu l-attenzjoni tagħna iktar minn dawk li għadhom xi ftit fiż-żmien. Kemm tagħmlilhom tajjeb xi kelma ta’ faraġ, ta’ kuraġġ biex ma jħossuhomx maqtugħin mid-dinja ta’ barra! Għalkemm imdaħħla sew fiż-żmien u fiżikament ftit li xejn fadlilhom x’joffru, xorta waħda m’għandniex ninsewhom; għal kuntrarju wieħed għandu jiżen il-pariri siewja tagħhom. Il-qawl jgħid: staqsi lill-imġarrab!
Bla dubju lanqas irridu ninsew lil dawk il-missirijiet li m’għadhomx magħna u li llum jinsabu taħt l-irħama kiesħa tal-qabar. Din hi l-festa tagħhom ukoll u għalhekk ninsabu fid-dmir li mmorru nżuruhom aħna la darba ma jistgħux jiġu huma. Bukkett fjuri flimken ma’ xi talba fuq qabarhom kemm japprezzawha! Ilkoll jeħtieġu t-talb tagħna; ilkoll jistħoqqilhom il-ħsieb u l-attenzjoni tagħna.
Li għamlu għalina ma għamlu ħadd u għalhekk dan ma rridux ninsewh!

 

More in Socjali