
Ġie ppubblikat l-istħarriġ tal-Knisja!
65% qalu li għalihom il-quddiesa tal-Ħadd hija regolari
minn Staff Reporter
L-isfidi pastorali għall-familji ġew diskussi waqt it-tielet assemblea ġenerali tas-sinodu tal-isqfijiet. Dawn l-isfidi ħarġu minn kwestjonarju li ntbagħat mill-Vatikan bħala parti mill-preparazzjoni għas-Sinodu straordinarju tal-isqfijiet li mistenni jsir f’Ottubru li ġej. Kienet ix-xewqa tal-Papa Franġisku li jintbagħat dan il-kwestjonarju bħala parti mill-proċess preparattiv u dan inkluda l-familji Maltin u Għawdxin. B’kollox, lokalment, imtlew mas-sebat elef kwestjonarju.
Fost il-konklużjonijiet li ħarġu minn dan l-istħarriġ, 72% stqarrew li mhumiex familjari mat-tagħlim tal-Bibbja u tal-Knisja fuq il-familja filwaqt li 17% ikkonfermaw li għandhom għarfien tajjeb.
F’70% tal-każijiet, it-tagħlim tal-Knisja fuq il-familja huwa selettivament aċċettat. It-tagħlim li s-sagrament taż-żwieġ ma jinħallx u jobbliga fedeltà bejn il-koppja hu wkoll aċċettat iżda 19% isibuha diffiċli li jimxu mat-tagħlim tal-Knisja fuq il-kontraċettivi u l-kontroll tat-twelid.
62.5% ta’ dawk li rrispondew jaċċettaw l-unjoni bejn mara u raġel bl-iskop li jibnu familja bħala liġi naturali tal-ħajja. Kwart ta’ dawk li wieġbu l-kwestjonarju ma rrispondewx din id-domanda.
25% qalu li ma jaqblux li nies li mhumiex ta’ twemmin Kattoliku, jew Kattoliċi li jkunu żgarraw mal-Knisja, għandhom jitħallew jiżżewġu bil-Knisja. 44% esprimew iktar tolleranza dwar din il-kategorija ta’ nies filwaqt 22% huma tal-opinjoni li l-Knisja għandha taċċettahom.
Meta mistoqsija dwar it-talb, 62% qalu li għadhom jitolbu flimkien bħala familja filwaqt li 20% ddikjaraw li rarament jitolbu flimkien. 65% tal-parteċipanti qalu li għalihom l-attendenza tal-quddiesa tal-Ħadd hija ħaġa regolari.
Meta kienu mistoqsija jekk il-Knisja Maltija hijiex tipprovdi biżżejjed għajnuna lill-koppji li jkunu għaddejjin minn diffikultajiet waqt iż-żwieġ, 47% wieġbu fl-affermattiv filwaqt li 11% esprimew l-opinjoni tagħhom li l-Knisja mhux qed tipprovdi biżżejjed għajnuna f’dan ir-rigward.
30% ta’ dawk li ħadu sehem f’dan l-istħarriġ stqarrew li jafu b’minn tal-anqas sitt familji li jgħixu flimkien barra ż-żwieġ. 37% jafu bejn tnejn u ħames koppji filwaqt li 9% jafu minn tal-anqas koppja waħda li jgħixu flimkien imma mhux miżżewġin.
29% tal-Maltin jgħidu li l-koppji li jgħixu flimkien barra ż-żwieġ jemmnu li għalkemm Alla jifhimhom, il-Knisja teskludihom. 41% stqarrew li ma jafux x’inhi tagħmel il-Knisja biex tgħin nies divorzjati jew lil dawk li reġgħu żżewġu biex jibqgħu qrib t’Alla.
Meta kienu mistoqsija dwar l-attitudni tal-Knisja lejn l-istat li illeġisla l-unjoni ċivili għal persuni tal-istess sess, 27% qalu li l-Knisja kellha attitudni negattiva u li opponiet il-liġi mingħajr riżervi. 30% qalu li t-tfal kollha għandhom ikunu meqjusa ugwalment, inkluż tfal li jkunu addottati minn koppji gays f’unjoni ċivili.

