F’5 snin tilfet il-familja kollha u ssieltet kontra l-kanċer

Iltqajt u intervistajt madwar 31 gladjatur. Kollha kemm huma għandhom stejjer fejn issieltu kontra l-kurrenti tal-ħajja u minnhom ħarġu rebbieħa, kollha b’messaġġ pożittiv. Però jkolli nammetti li l-gladjatur li se nlaqqagħkom magħha llum, hi gladjatur li tiżboq fuq kulħadd. Immaġinaw omm li f’ħajjitha tilfet erba’ wlied, tlieta minnhom f’temp ta’ ħames snin, fosthom wieħed minn uliedha u żewġha fl-istess perjodu ta’ żmien. Barra minn hekk ħabbtet wiċċha ma’ żewġ ulied li kellhom diżabilità mentali u ssieltet kontra kanċer għal dawn l-aħħar sitt snin. 

Marie Louise Agius mal-bust tagħha stess li għamlilha żewġha, Toni
Marie Louise Agius mal-bust tagħha stess li għamlilha żewġha, Toni

Din il-mara tgħidlek li jekk ikollha terġa’ tgħix ħajjitha terġa’ tgħixha għax dik kellha tkun il-ħajja tagħha. Anzi tgħidlek ukoll li s-slaleb li ġarret u l-ferħ li offritilha l-ħajja jibbilanċjaw. L-istorja ta’ ħajjitha u l-familja li tant għadha tħobb anke llum li tilfitha kollha, rrakontathieli waqt mumenti mill-aktar emozzjonanti li qatt assistejt għalihom. Kien hemm ħinijiet li jien spiċċajt nibki magħha u fl-istess ħin nammira l-kuraġġ kbir tagħha ta’ kif iffaċċjat id-dinja u ħajjitha b’kummenti ferm pożittivi. Din il-mara ta’ statura ferm kbira fil-ħajja tagħha mhi ħadd ħlief Mary Louise Agius, il-mara tal-iskultur u artist famuż Malti, Anton Agius. 

Laqgħetni fil-bieb tad-dar tagħha ir-Rabat, bi tbissima ħelwa, ħaditni fil-kamra tal-pranzu mdawra bil-pitturi u skulturi ta’ żewġha u ta’ artisti oħra u diversi ritratti tal-maħbubin kollha tagħha, żewġha, ommu, ommha, uliedha u n-neputijiet bil-familji tagħhom li fil-preżent dejjem jieħdu ħsiebha billi jżuruha. Mary Louise hi Rabtija pura u twieldet f”Ġunju ta’ 71 sena ilu. Titkellem fuq Toni tagħha qisu qiegħed ħdejha. “Kieku għadu ħaj ngħalqu 50 sena miżżewġin f’Novembru li ġej” bdiet tgħidli Mary Louise bid-dmugħ f’għajnejha.

L-ewwel li tilfet kienet lil ommha li kienet tgħix magħhom għal 25 sena sħaħ, wara miet Joseph ta’ 21 sena li kellu brain damage waqt it-twelid. Warajh miet Christopher ta’ 40 sena b’mewta traġika. Żewġha miet sena wara bil-kanċer tal-prostata li kien ilu jiġġieled miegħu għal 15-il sena sħaħ. Kien baqagħlha biss lil binha ż-żgħir Anton li kien il-fessud ta’ missieru. Anton kellu problemi mentali iżda miet ħabta u sabta meta marad bil-pulmunite u mill-isptar ħa virus li bih miet meta kellu 35 sena. 

“Tlift it-tliet uliedi u lil żewġi, imma ma qtajtx qalbi”

Ħallietni bla kliem. “Iżda jien nixtieq nitkellem dwar Toni tiegħi aktar milli dwari, għax il-kuraġġ kollu li għandi llum biex inkompli għaddejja ġej kollu minnu. Toni kien jgħidli, ‘tista’ kemm tista’, dejjem għamel l-aħjar’. Kien dejjem pożittiv u kien kuraġġuż ħafna. Toni dejjem kien miegħi u f’kollox sibtu miegħi dejjem jagħmilli l-kuraġġ u jgħidli biex ma naqtgħux qalbna.”

Irrakkuntatli wkoll kif barra dawn it-tliet ulied kienu tilfu lill-ewwel wild tagħhom li twieled bridge baby u ma salvatux. 

Iltaqgħet ma’ Toni fl-1961 wara li kien għadu kif ġej minn sena Ruma fejn kien studja fi Scuola d’Arte u 3 snin l-Ingilterra fis-St Martins School of Art. “Kont tas-Sliema nippassiġġa ma’ ħabiba tiegħi li kienet toħroġ ma’ wieħed ħabib ta’ Toni u laqqgħetni miegħu. Kont nafu di viżta għax mir-Rabat iżda qatt ma kont kellimtu. Offrieli drink, bqajna noħorġu flimkien u tliet snin wara żżewwiġna.”

Hawn bdiet tirrakuntali dwar ix-xogħol tiegħu, fejn qaltli li l-aktar li kien iħobb inaqqax fl-injam, “għax mill-injam kien jagħti l-ħajja lin-natura u joħroġ messaġġ minn kull skultura li joħloq. Iżda ma kellu l-ebda biċċa xogħol favorita minn oħra. Għax kull biċċa arti li għamel dejjem qiesha bħala wild tiegħu.”

Għal dawk il-ftit li ma jafux Anton Agius hu l-ħallieq tal-aqwa monumenti li għandna f’pajjiżna, bħal Monument tal-Ħaddiema tal-Imsida (fejn il-mara bil-qamħ hi Marie Louise u t-tarbija f’idejn il-mara hi ibnu Anton), il-monumenti tas-Sette Giugno, tal-Assedju, ta’ Dun Mikiel Xerri, tal-Ħelsien u ta’ personalitajiet kbar Maltin bħal Pawlu Xuereb, Frances Ebejer, Manwel Dimech eċċ. Għalhekk il-mistoqsija ovvja kienet jekk hi kellhiex xi waħda favorita mix-xogħol tiegħu. “Għandi tlieta speċjali, skultura ta’ kurċifiss li għamlu għalija, pittura tiegħi meta kont għadni żgħira u bust tiegħi. Dawk għamilhom għalija u huma speċjali.”

Komplejna niddiskutu ħajjitha u d-dulur li għaddiet minnu f’dawn l-aħħar snin, bdiet tibki u qaltli, “id-duluri tilfet lil binha, jien tlifthom kollha. Il-mewt ta’ Chris kienet waħda mill-aktar traġika u hu fatt li l-iben li tani l-akbar ferħa tani wkoll l-akbar għalja. Iżda xorta komplejt ngħix ħajja normali. Ħallejt kollox kif kien qabel telaqli kulħadd u b’hekk inħosshom kollha madwari u kollha jitolbu għalija.

“Biex tkompli tgħaxxaqha meta Toni kien marid bil-kanċer, imradt jien ukoll u konna nispiċċaw l-isptar Boffa jien f’kamra u hu f’oħra nieħdu l-kimoterapija flimkien. Kont dejjem nitlob biex ma mmutx qablu ħalli nkun nista’ nibqa’ miegħu sal-aħħar. U fil-fatt miet idu f’idi mdawwar bil-familja tiegħu, jien, ħuh Michael u oħtu.”

“Inħosshom għadhom hawnhekk miegħi, jitolbu għalija”

Hawn spiċċajna nibku t-tnejn meta jien ftakart fil-mewt ta’ missieri wkoll. Kompliet tgħidli li kull meta toħroġ ir-Rabat tiltaqa’ miegħu meta tgħaddi minfejn il-monument ta’ San Ġużepp (għax Toni u hi kienu Ġużeppini kbar), minn fejn il-monument ta’ Pawlu Xuereb u minfejn il-monument tal-maħbubin. Imma kif irreżistiet dan kollu? “Il-Fidi tatni l-paċi u sibt għajnuna mill-familjari, ħija u l-ġirien li fl-40 sena li ili noqgħod hawn u dejjem urewni rispett kbir.”

Mary Louise qaltli li hi tqatta’ l-ġurnata, issajjar, taħsel u tnaddaf u kultant toħroġ fejn anke kultant tħobb tmur tixtri xi ħwejjeġ mal-ħabiba tagħha. Sadattant ma tieqafx titkellem fuq Toni tagħha, fejn qaltli, “għax Toni kien żewġi, kien l-aqwa ħabib li kelli u kien missieri wkoll fejn jidħlu pariri siewja.” U biex inkun ftit kurjuż staqsejtha, ‘allura Toni ma kien idejqek f’xejn?’ Fl-aħħar irnexxieli noħorġilha tbissima, “kien jirrabbjani meta jċempel it-telefon u jaqbdu b’idejh kollha tafal, kont ingerger u nieħu paċenzja bih.”

Mara li għexet mumenti ta’ mħabba kbira u pura. U għalhekk tlabtha tgħaddi messaġġ lil maħbubin żgħażagħ fi żmien meta l-problemi fir-relazzjonijiet dejjem qed jikbru. “Nixtieq ngħid lit-tfal tal-lum biex iħobbu u jieħdu paċenzja b’xulxin u ma jippretendux kollox f’daqqa.”

Imma Marie Louise ma tħossx li Alla ta wisq slaleb f’daqqa xi ġġorr? “Qatt u qatt ma ħadtha kontra Alla għax it-tama ma naqset qatt. Kelli ħafna affarijiet sbieħ fejn ħajjitna laqqgħetna ma’ nies minn kull mixja tal-ħajja mill-akbar sal-iżgħar. Tgħidx kemm fraħna meta ngħata Ġieħ ir-Repubblika, il-midalja tad-deheb fil-manifattura, Ġieħ ir-Rabat u unuri oħra. Ħajjitna kienet bilanċ bejn is-sabiħ u s-slaleb. Anke jekk erfajt ħafna slaleb. Dik il-ħajja tiegħi u kieku kelli nerġa’ ngħix dik il-ħajja hi tiegħi. It-tagħlim li jagħtuk il-ġenituri tiegħek tibqa’ żżommu u tgħix bih. Ommi li kienet mara mill-aktar twajba għallmitni ħafna l-paċenzja u għallmitni nħobb. U dan żammni għaddejja.”

B’għajnejha mimlija dmugħ u ‘kburija’ fl-istess ħin bl-arti ta’ żewġha, offrietli kafè qabel żjara esklussiva fost l-arti kbira li ħalla Anton Agius bħala wirt lill-umanità. Kull biċċa arti kellha storja u Mary Louise kienet kapaċi tirrakkontahom kollha. Dawritni fejn kien jorqod Toni, ommha u wliedha u l-garaxx fejn kien jaħdem żewġha u binha Chris. Anke l-Alfa Romeo ta’ Chris għadha fil-garaxx fejn ħalliha hu flimkien mal-kollezzjoni enormi ta’ kotba li kellu dwar l-antropoloġija u l-istorja tal-ġnus li tant kien iħobb jistudja.

Ħassejtni qisni qed inżur l-aqwa mużew tal-arti bl-aqwa gwida li qatt seta’ jkolli tfehmni kull biċċa arti u qabel tlaqt irregalatli żewġ kotba mill-isbaħ ta’ Anton Agius. Però qabel tlaqt staqsejtha dwar saħħitha u qaltli li tħossha tajba ħafna wara sitt snin tiġġieled din il-marda. 

Grazzi Mary Louise tat-tagħlima li tajtni tal-ħajja. Tal-kuraġġ li din l-istorja għandha twassal lejn min ikun se jaqta’ qalbu meta jiltaqa’ mas-saram tal-ħajja.

More in Socjali