Żagħżugħ bi prijoritajiet ċari

Shaun Formosa, minn Paceville ma jinteressahx
Shaun Formosa, minn Paceville ma jinteressahx

Mhux faċli tintervista żagħżugħ ta’ appena 19-il sena. Esperjenzi wisq fil-ħajja jkun għadu ma ġabarx. Iżda meta tiltaqa’ ma’ żagħżugħ bħal Shaun, li hu ta’ ftit kliem u dejjem attent għal dak li qed jiġri madwaru ma tistax ma jolqtokx. Shaun hu żagħżugħ kreattiv, fejn il-pageants li jikteb u jieħu sehem fihom Ħal Qormi u l-Isla laqqgħuh mad-drama. Id-drama li ħelsitu mill-mistħija u tagħtu ħolma ġdida. Żagħżugħ li għalkemm ta’ età żgħira kapaċi jissielet kontra l-kurrenti li ħafna drabi jġorru liż-żgħażagħ għal ħajja bla rażan.

Shaun Formosa twieled Ħal-Qormi 19-il sena ilu minn omm Awstraljana, Sharon u missier Qormi bl-isem ta’ Bastjan. Hu l-fustani minn tliet ulied, fejn twieled wara Shalane ta’ 24 sena u qabel Charlotte li għandha 12-il sena.
Billi min-naħa ta’ San Bastjan staqsejtu jekk hux Bastjaniż ferventi. “Ikolli nammetti li l-festi ma tantx jagħmlu bija jien għax m’iniex daqshekk dilettant. Iktar napprezza s-sena tal-arti li jinvolvu dawn il-festi fejn jidħlu armar, statwi, pavaljuni, eċċ.” Tlabtu jagħtini r-raġuni għaliex mhux dilettant tal-festi meta hu tant dilettant tal-Ġimgħa Mqaddsa. “Filwaqt li l-Ġimgħa Mqaddsa huwa żmien ta’ riflessjoni, ninnota li fil-festi jispikka wisq il-paganiżmu. Kulħadd jgħajjat viva l-patrun jew il-patruna meta ħafna drabi l-istess nies lanqas biss ikunu jafu l-ħsieb u t-tifsira veru wara dak it-tifħir jew l-għajta. Bl-ebda mod m’jien nipponta subgħajja lejn xi festa partikolari... qiegħed nitkellem biss inġenerali!” Ngħid għalija ħallieni bla kliem.
Imma Shaun żagħżugħ reliġjuż? “Iva, iżda nemmen li l-Knisja għandha ħafna fejn tirranġa l-mod kif twassal il-messaġġ tagħha. Il-Knisja għandha ssir aktar interattiva. Niddejjaq ħafna immur nisma’ quddies u meta jkun wasal il-ħin ta’ xi talba, kulħadd jibda ‘jgħaffeġ.’ Min jibda t-talba, min ikun għadu ħa jibdiha u min ikun kważi wasal fl-aħħar... Bħal donnu kulħadd qisu ‘pappagall.’ Eżempju ieħor hu li l-omelija, fl-opinjoni tiegħi għandha tkun forma ta’ diskussjoni ma’ dawk preżenti fejn persuna jkollha dritt tesprimi ruħha fuq dak li s-saċerdot qed jgħid. Il-quddiesa għandha tkun animata u mhux talb li bħal donnu qed jingħad ta’ bilfors.”
Din il-filosofija tiegħu Shaun juriha biċ-ċar fil-kitba tiegħu fil-pageants li jtella’. “Jien nikteb dwar karattri li għexu elfejn sena ilu li iżda wieħed jista’ jilmaħ l-istess sitwazzjonijiet fil-preżent. Dak li ġara dak iż-żmien għadu jiġri llum bħal meta wieħed iqis dak li ħasset il-Madonna meta tilfet lil binha, l-istess dulur jinħass minn omm li titlef lil binha f’inċident tat-traffiku, b’xi marda jew b’xi delitt. Il-mod li nikteb jien f’dawn il-pageants, inġiegħel lill-udjenza preżenti jħossu li qed nikteb għalihom. Ħadd ma jista’ jgħid li m’hemmx xi karattru li jkun qed jassoċċja ruħu miegħu. Min qatt ma kien bħal Ġuda? Min qatt ma kien fis-sitwazzjoni bħal Pilatu? Possibli qatt ma bżajna li nitilfu s-siġġu tal-poter? Min qatt ma ħasel idejh minn xi akkuża u nitfgħu r-responsabbiltà fuq ħaddieħor? Il-ġrajja tirrepeti ruħha!”
Shaun hu persuna ffissat fuq il-komunikazzjoni, tant li minn età ċkejkna kien jagħmel programmi tat-tfal fuq ir-radju tal-komunità ta’ Ħal-Qormi fejn kien idoqq id-diski tal-cartoons, imbagħad wara beda jdoqq diski ta’ kantanti tfal u żgħażagħ Maltin iżda sfortunatament kellu jieqaf għax beda jonqos ir-rispons mill-kantanti. Iżda dan ma qatax qalb Shaun! “Wara ftit żmien ġejt avviċinat minn Mario Azzopardi, persuna b’diżabbiltà, li mingħandu tgħallimt ħafna. Kien jiskantani kif juża d-diżabbiltà tiegħu favurih u kien jurini kemm fil-ħajja qatt m’għandek taqta’ qalbek, u jekk veru trid tasal, b’xi mod tirnexxi. Fil-fatt wara li tgħallimt mingħandu, hu stess kien inkoraġġieni biex nibda nagħmel programmi waħdi fuq ir-radju Bastjaniżi FM u maż-żmien dħalt għar-responsabbiltà ta’ maniġer tal-programmi mal-istess stazzjon.”
Sadattant Shaun spiċċa wkoll involut ma’ stazzjonijiet oħra tal-komunità fosthom Radju Sant’Andrija ġewwa Ħal-Luqa, Radju Banda San Filep f’Ħaż-Żebbuġ, u l-iktar wieħed riċenti, fuq Radju Lauretana ta’ Għajnsielem, Għawdex. “Kelli għalliema studenta fl-iskola Tal-Ħandaq, Charlene Attard li wara lezzjoni partikolari sirt naf li kienet tagħmel xi programmi fuq dan l-istazzjon Għajnselmiż, semmietli d-direttur tar-radju Lelio Spiteri. Ta’ kurjuż li jien mort insibu fuq Facebook u wara li bdejt nitkellem miegħu, offrieli biex immur nipprova programm. Kien propju f’Awwissu tal-2010 li bdiet din l-avventura ġdida ma’ dan l-istazzjon. Kull meta jasal iż-żmien li l-istazzjon jibda jxandar l-iskedi tiegħu, tarani ta’ kull nhar ta’ Sibt nipprepara biex mal-vapur tal-5am nerħilha lejn Għawdex biex nippreżenta l-Breakfast Show.” Dan kollu jagħmlu mingħajr ħlas. Barra hekk fil-ġimgħa tal-festa jitla’ jqatta’ ġimgħa Għawdex u barra kollegamenti mit-toroq ta’ Għajnsielem, jieħu anke ħsieb il-webcasting tal-festa biex l-għeżiez emigranti jkunu jistgħu jgawdu kull dettall mill-kumdità ta’ djarhom.
Bħala żagħżugħ Shaun iħobb il-kwiet. “Jien rari jew kważi qatt ma mmur f’postijiet ta’ ‘ġenn’. Bħala ħruġ nippreferi ikla u noħroġ f’postijiet fejn bejn il-ħbieb ikun hemm komunikazzjoni, għax jien inħobb nikkomunika ħafna!” Bħalma tistgħu tinnotaw li Shaun hu żagħżugħ li jaf igawdi iżda mhux billi jinqered b’xorb żejjed bħalma ħafna jaħsbu li ż-żgħażagħ huma. “Is-soċjetà taħseb li ż-żgħażagħ huma ta’ Paceville biss, is-soċjetà tinsa li hemm żgħażagħ li jagħtu sehemhom fil-komunità.” Dwar il-karattru tiegħu qal li kultant jinkwieta għax iħossu perfezzjonist wisq.
Dan iż-żagħżugħ hu mimli ħolm. “Nixtieq inkun involut fl-industrija tal-films, drama fuq it-televiżjoni u forsi nara xi produzzjoni tiegħi fuq il-liżar taċ-ċinema. Dnub jibqa’ kollox fil-kexxun! Forsi qed nara kbir? Ma nafx imma se nkompli noħlom għax jien persuna li jekk ma ngħaddix minn bieb, infittex tieqa u wara anke ventilatur, għalkemm mhux dejjem jiddependi kollox minnek.”
Sadattant staqsejtu għaliex għadu single u t-tweġiba tiegħu kienet tbissima u ħarsa bħal speċi qed jgħidli, ‘Mhux aħjar ngħaddu għal li jmiss ħabib? Maż-żmien naraw!’ “L-imħabba tfisser li tinsa kemxejn lilek innifsek u tagħti iżjed milli tieħu. Però narani miżżewweġ u missier fil-futur.”
Shaun qalli wkoll li jixtieq li l-ġenerazzjoni ġdida tal-Maltin jitgħallmu jiddiskutu u jitkellmu dwar kollox u mhux jaqtgħu linji. “Irridu nitgħallmu nanalizzaw kulma naraw u kulma nisimgħu għax kulħadd għandu d-dinjità tiegħu u kulħadd għandu opinjoni x’jesprimi. Għandna nibdlu l-perspettiva kif inħarsu lejn opinjonijiet diversi minn tagħna.”
Shaun kien ukoll innominat għall-premju ‘Int’ – Irrid nikber fit-tjubija, mill-kunsill lokali Qormi u kif semmieli l-kunsill staqsejtu jekk qattx tħajjar joħroġ għal kunsill lokali ta’ Ħal-Qormi minħabba li hu involut sew fil-komunità. “Qatt ma kkunsidrajtha ta… iżda taf li ġegħeltni naħseb issa.”
Dan hu Shaun, iż-żagħżugħ li qabel ħallejna lil xulxin qalli li x-xewqa tiegħu hi li ma jibqax jagħti s-sehem tiegħu biss ma’ stazzjonijiet tar-radji komunitarji u TV. “Għax il-mezzi tax-xandir jiftħuli orizzonti ġodda u hi ħajti u żgur li kif tinqala’ opportunità naħtafha.”

More in Socjali