Din il-ġimgħa kien inawgurat programm edukattiv ta’ snajja’ fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Dan il-programm se jħaddem 11-il resident, wara li dawn kollha lestew kors fil-ħjata. Ir-residenti li se jaħdmu f’din il-fabbrika se jinfetħilhom kont bankarju biex il-flus li jaqilgħu mix-xogħol tagħhom ikunu jistgħu jitfaddlu hemm u jintużaw biss wara li jiskontaw is-sentenza tagħhom, bil-għan li dan il-kont bankarju jkun ta’ għajnuna ġaladarba jerġgħu lura fis-soċjetà.
Fi żjara li saret fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, mart il-Prim Ministru Michelle Muscat u l-Ministri Manuel Mallia u Michael Farrugia kellhom iċ-ċans jaraw ix-xogħol li sar minn għadd ta’ priġunieri nisa wara li dawn lestew kors tal-ħjata organizzat minn Mary Grace Pisani, disinjattriċi professjonali li ħadet l-inizjattiva sabiex tgħallem lil dawn in-nisa din is-sengħa. Għal din l-inizjattiva ġiet trasformata kamra għal tal-apposta minn fejn dawn il-priġunieri jistgħu jaħdmu u jkunu kreattivi.
Waqt din l-attività fil-preżenza tat-tfajliet li lestew il-kors tal-ħjata u li issa se jibdew jaħdmu f’din li tista’ tissejjaħ fabbrika żgħira, Muscat irringrazzjat lil Mary Grace Pisani li tant kienet ġeneruża u ħadmet qatigħ sabiex dan il-proġett isir realtà. Is-Sinjura Michelle Muscat appellat biex aktar residenti Maltin jikkonkorru għall-korsijiet u proġetti simili u anke biex iqattgħu l-ħin tagħhom jaħdmu waqt li qegħdin fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Dan qalitu, wara li nnutat li kien hemm aktar residenti barranin li urew ix-xewqa tagħhom li jipparteċipaw f’dan il-proġett. Is-Sinjura Muscat qalet li proġetti bħal dawn huma siewja għax permezz tagħhom ir-residenti jkunu aktar lesti biex jintegraw ruħhom fis-soċjetà. Għan-nom ta’ The Marigold Foundation, Muscat ippreżentat żewġ magni tal-ħjata sabiex jiżdiedu ma’ dan il-proġett.
Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Manuel Mallia filwaqt li rringrazzja lil Mary Grace Pisani, li għamlet dan il-proġett realtà, saħaq fuq il-viżjoni tal-Gvern li jimla l-ħin tar-residenti tal-Faċilità, b’attivitajiet edukattivi li jgħinuhom jirrijabilitaw ruħhom. Il-ħsieb tal-Gvern huwa li jkompli jinvesti fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, filwaqt li semma l-investiment li diġà sar bħal permezz tal-music room u tal-playroom.
Waqt din l-attività kienu preżentati wkoll ċertifikati ta’ attendenza mill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Manuel Mallia u minn Michelle Muscat.