
27 sena biex kiteb l-akbar dizzjunarju fid-dinja
Meta tiltaqa’ ma Karistu għid li ma tixbax tisimgħu jitkellem u jiddiskuti fuq kollox. Raġel b’ideal ċar f’moħħu aktar mill-kuluri żoroq ta’ għajnejh. Ħassieb li l-ideal tiegħu ma jibdlu għal ħadd. Marxist, soċjalist, agnostiku u gwerrier favur il-ġustizzja soċjali u l-lingwa Maltija. Fejn kważi qatta ħajtu jaħdem għaliha u jagħtiha leħen. Għandu żewġ dottorati iżda jemmen li l-uniku titlu hu dak li tagħtu ommu…ismu.
minn John Busuttil

Karistu Abela ilu jgħix fid-dar ta’ Triq Doni r-Rabat għal dawn l-aħħar 53 sena, fid-dar fejn twieled u trabba sa meta spiċċa waħdu wara li mitulu l-ġenituri tiegħu u l-uniku ħuh Patri Ġwann Abela tliet snin ilu.
“F’din it-triq twieldet Michelle Muscat (mart il-Prim Ministru), il-Maġistrat Joe Azzopardi u s-surmast Joe Galea,” qalli b’ċertu kburija Karistu meta dħalt fid-dar tiegħu biex nintervistah.
Il-kliem waqa’ fuq tfulitna għax jien trabbejt triq waħda bogħod minnu u staqsejtu x’kienet ir-raġuni għaliex qatt ma żżewweġ jew kellu relazzjoni serja. “Bdejtli bl-aktar mistoqsija diffiċli” qalli Karistu waqt li berraq għajnejh u ħakk il-leħja. “Jien qatt ma qbilt maż-żwieġ. Qatt ma kont favur l-irbit. Jien liberu mentalment u rrid naħseb b’moħħi. Nippreferi naħseb bil-moħħ tiegħi milli naħseb b’moħħ ħaddieħor. Kieku kont miżżewweġ ma kontx nagħmel dir-riċerka kbira li għamilt. Barra hekk għaliex għandi nintrabat ma’ mara waħda meta hawn ħafna minn fejn tagħżel mingħajr irbit?”
Karistu jgħix ħajja libera, fil-fatt ir-riċerka u l-istudji tiegħu dejjem jagħmilhom mal-lejl. M’għandux televiżjoni, jew aħjar għandu wieħed li lanqas biss hu mqabbad. “Nippreferi naqra ktieb milli nara t-televiżjoni. Għax anke dibattitu fuq televiżjoni jaħraqni għax ikolli nisma’ mingħajr ma nipparteċipa, allura nippreferi mezzi soċjali bħal Facebook ħalli nkun nista’ nargumenta u nieħu sehem f’kull dibattitu li jsir u jinteressani u mhux nisma’ x’iriduni nisma’ biss.”
Karistu għandu żewġ dottorati iżda l-mod kif wasal għalihom żgur li mhux normali. Ta’ 16-il sena ħareġ mit-Technical Institute u mar jaħdem bħala mastrudaxxa ma’ ‘ta’ Paroli’. Tliet snin wara daħal apprentist id-dockyard u kif għaddiet ġimgħa ħa deċiżjoni. “Niftakar li għidt lili nnifsi li żgur li ma rridx immut hemm x’ħin esperjenzajt dak il-ġenn. Erġajt qbadt il-kotba u bdejt nistudja dwar il-Human Relations u ħadt diploma fil-management. Komplejt nistudja u ħadt grad universitarju fl-ekonomija u filosofija li estendejtu għad-dottorat fil-Filosofija, Politika u Ekomija. Ma waqaftx hemm. Akkwistajt sponsorship mill-Università diġitali ta’ Hollywood u ġibt dottorat fil-Fontoloġija.”
Dan hu studju analitiku kif tiddisinja font. Tant li Karistu ddisinja fonts għal MediaSet, għal Corriere della Sera u għal Mondadori, “għax hu ppruvat li d-disinn tal-font iżid il-qarrejja tiegħek u anke fuq TV iżidlek l-udjenza.”
Ħadem ukoll għal erba’ snin ma’ The Malta Independent fil-production management u bħala design editor, iżda għal dawn l-aħħar snin ħadem għal rasu bħala freelancer.
Hawnhekk għidtlu mela suppost insejjaħlek Dott… u dritt wieġeb. “Titli ma nemminx bihom, l-uniku titlu tiegħi li tatni ommi, ismi. Meta wieħed jgħajjatlek bit-titlu għax ikun jinteressah mit-titlu aktar milli tkun tinteressah int bħala persuna.”
“Ir-reliġjon u Alla ma jinteressawnix, jinteressawni biss il-valuri tal-bniedem”
Stajt ninnota li Karistu donnu ma waqaf qatt jistudja. “Għamilt 22 sena nistudja u niftakar li l-interess fir-riċerka tal-Malti beda meta kelli l-kors tal-filosofija u ltqajt ma’ Peter Serracino Inglott. L-ewwel xogħol tiegħi kien li minn verb sħiħ irnexxieli noħroġ 900 kelma minnu.” Sadattant ġabli volum oħxon illegat u beda jurini dan id-dizzjunarju li bdieh fl-1987 u wara 27 sena wasal biex ikun mitbugħ. 80 volum b’5 miljun kelma Maltija li minnhom joħorġu madwar 900 derivazzjoni oħra. Qas timmaġinahom aħseb u ara tirriċerkahom u tiktibhom. “Dan mhux xogħol tal-massa” qalli Karistu, “dan ix-xogħol se jmur fil-libreriji madwar id-dinja u għal kollezzjonisti tal-lingwi. Dan se jkun l-akbar dizzjunarju fid-dinja. U ma nagħmlux għal qliegħ, forsi jirnexxili nifdih.”
Karistu qatt ma sar missier l-uniku ħuh Patri Ġwann miet tliet snin ilu bla tfal ukoll għax kien saċerdot. Dan ifisser li l-familja Abela tispiċċa ma’ Karistu. “Jien u ħija ma ħallejniex tfal” qal bid-daħka Karistu, “s’issa nista’ ngħid. Iżda t-tnejn li aħna ħallejna wirt kulturali. Ħija ħalla diversi drammi u xogħol letterarju reliġjuż u jien se nħalli wirt dan id-dizzjunarju li hu l-aktar xogħol importanti tiegħi fost xogħol ieħor li għamilt.”
Indunajt li kull meta beda jissemma Patri Ġwann, wiċċ Karistu beda jinbidel. “Kien madwar 3 snin ilu meta jien u ommi rċevejna l-aħbar li ħija miet ħabta u sabta. Kienet aħbar li sal-lum għadni ma rridx naċċettaha u sal-lum għadni nħoss il-vojt tiegħu.”
Fattur interessanti kien li għalkemm Karistu jħossu tant qrib ma’ ħuh hemm differenza kbira bejniethom fil-ħsibijiet. Għax filwaqt li Patri Ġwann kien suldat tal-Knisja Kattolika, Karistu ma jemminx fil-Knisja u fir-reliġjon. “Jien agnostiku, ir-reliġjon u Alla ma jinteressawnix nistaqsi dwarhom jew inkun naf dwarhom. Lanqas inqis ruħi bħala spiritwali. Jinteressawni biss il-valuri tal-bniedem.”
Dan il-fatt ġegħelni nitbissem u staqsejtu jekk kienx ikollhom argumenti hu u ħuh, “Anqas qatt. Konna ddeċidejna li fejn ma naqblux ma niddiskutux. U b’hekk qatt m’argumentajna. Fir-reliġjon ma konniex naqblu iżda fil-lingwa konna ffissati t-tnejn tant li flimkien konna ħloqna fonts bil-Malti għall-ewwel kompjuter f’Malta l-Amstrad.”
Staqsejt lil Karistu lil min iqis l-aqwa fost il-ħassieba li jammira. “Mintoff bħala ħassieb nammirah immens fejn l-aktar kwotazzjoni li laqtitini tiegħu kienet meta kiteb fil-ktieb ‘The Knight’ fl-1956, kien kiteb hekk: ‘meta l-kummerċ jilħaq il-quċċata l-ġieħ jara l-qiegħ.’ Kwotazzjoni mill-isbaħ fejn turi li f’kull ħaġa tajba jew ħażina hemm l-oppost, fejn it-tajjeb u l-ħażin jibbilanċja l-miżien.
“Ħassieb kbir ieħor hu Karl Marx. Id-dinja mhix dik li hi llum li ma kienx għal Marx. Poġġa l-ħaddiem fuq quddiem u ried li l-poplu jkollu sehem fit-tmexxija. Imma l-problema kienet li ġie misinterpretat mir-Russja stess fejn minflok ħolqot Kapitaliżmu tal-istat flok soċjetà ġusta.”
Karistu kien ħareġ bħala kandidat għall-elezzjoni ġenerali mal-Partit Laburista fl-1992. “Inqis ruħi bħala soċjalist aktar milli Laburist. Ma jiddispjaċini xejn għal dik id-deċiżjoni li noħroġ għal politika anke jekk ma tlajtx. Kienet esperjenza li fiha tgħallimt ħafna.”
Iżda ma baqax attiv fil-partit wara dik l-esperjenza għax skont hu ma qabilx mal-prinċipji tal-gvern ta’ dak iż-żmien, jiġifieri l-gvern ta’ Alfred Sant. “Il-gvern Laburista ta’ dak iż-żmien ħassejtu li kien aktar viċin il-lemin milli x-xellug li kont nemmen fih jien. U għalhekk kont iddeċidejt li nirriżenja mill-partit. Il-partit Laburista tal-lum jidher li solva dik il-problema għalkemm mhux għat-totalità kif nixtieq jien.”
Karistu barra li hu ħassieb, barra li hu ffissat fuq il-marxiżmu, barra li hu ffissat fil-lingwa Maltija hu gladjatur favur dak li hu ġust. Tant li eżatt qabel l-elezzjoni kien il-persuna li qajjem il-battalja kontra l-parkeġġi bi ħlas, fejn bdiet bi protesta li beda hu fir-Rabat u spiċċat biex l-iskema ġiet imwaqqfa ma’ Malta kollha. “M’għamilthiex għar-Rabat biss iżda kelli nibda minn pajjiżi għax nemmen li f’postijiet fejn hemm kwartieri antiki m’hemmx garaxxijiet għalhekk iċ-ċittadin ma jkollux fejn jipparkja u m’għandux ibati u jħallas għal parkeġġ. Kienet battalja iebsa ħafna u waħda mill-aktar iebsa li kelli f’ħajti għax ħadtha kontra nies potenti ħafna u li fiha kien hemm involuti flejjes kbar. Però ma niddejjaqx nerġa’ niġġilidha jekk jinqala l-każ.”
U dan jagħmel lil Karistu bħala gladjatur rebbieħ, fejn waqt li konna neżlin it-taraġ qalli, “Tinsiex Ġann, li jien ma nidħol għall-ebda battalja jekk ma nkunx konvint li se nirbaħha.” Tbissimtlu, tajtu raġun u sellimtlu.

