
Il-Gladjaturi tal-2013
Matul dawn l-aħħar 3 xhur laqqajtkom ma’ 15-il gladjatur tal-ħajja. Gladjaturi feroċi li ma ħallew xejn milli jwaqqafhom jissieltu biex ikollhom ħajja aħjar. Gladjaturi li qatt ma qatgħu qalbhom milli jkomplu mexjin it-triq tal-ħajja pożittiva. Gladjaturi li żgur li jagħmlu kuraġġ lil dawk li wara l-ewwel saram jibdew jaqtgħu qalbhom li se jaslu safejn iridu. Għalhekk qabel inlaqqagħkom mal-gladjaturi tas-sena 2014 xtaqt infakkarkom ftit fil-gladjaturi tas-sena li għadha kif intemmet.
minn John Busuttil

1. ‘Mulej jekk ma tridx tagħtini tfal tagħtinix iżda tagħtinix tfal b’diżabbiltà
L-istorja ta’ Teddy u Anna Saliba minn Għajnsielem Għawdex li wara 12-il sena bla wlied kellhom tewmin b’diżabbiltà intelletwali. Tewmin li tawhom ħajja ġdida u mhux talli seħtu l-mument li ġew dawn iż-żewġ ulied iżda talli jqisuhom barka. Teddy kellu wkoll jissielet ma’ żewġ kanċers li ħareġ rebbieħ fuqhom ukoll.
2. Anzjan bil-bastun idur l-Ewropa bi tren
Lukardu Borg ta’ 78 sena jibża’ jirkeb ajruplan u xorta ma jħallix sena li ma jmurx vaganza ta’ madwar xahar fl-Ewropa. Jimxi bil-bastun wara inċident li kellu b’karrozza. Ma jafx jaqra u jitkellem b’lingwa oħra. Ma jaqtax qalbu jirkeb u jbiddel treni waħdu u anke jmur fil-lukandi fejn ikun irid imur mingħajr ma jaqta’ qalbu. Ibati biss meta tkun ix-xita għax b’id waħda jrid iżomm il-bagalja, bl-oħra l-bastun u ma jkollux id oħra biex iżomm l-umbrella.
3. Minn receptionist għal lukandiera
Maria Helga Muscat hi mara ta’ 45 sena li minn meta bdiet il-ħajja tax-xogħol bħala receptionist qatt ma ħarset lura biex tasal fejn riedet. Kienet miżżewġa Ġermaniż li miet mewta traġika, u għexet għal diversi snin fil-Ġermanja. Flimkien miegħu kienet bdiet aġenzija tal-ivjaġġar il-Ġermanja u llum irnexxielha wkoll tibda n-negozju bħala lukandiera fejn għandha lukanda ċkejkna l-Qawra u l-ħolma tagħha hi li tkabbar in-negozju tagħha billi tiftaħ boutique hotel f'Tas-Sliema.
4. Minn tfajjel ġwejjed għal artist b’ħajja mqanqla
Mark Mallia kien tfajjel għalih waħdu li minn dejjem kien iħobb ipinġi uċuħ koroh. Is-sens artistiku tiegħu wasslu biex beda jaħdem fil-mezzi tax-xandir bħala kameraman ta’ wirjiet tal-moda fejn il-flus li kien jaqla’ wassluh biex ikollu ħajja frivola man-nisa. Sadattant baqa’ jikber bħala artist fejn illum għandu gallerija tal-arti. Baqa’ ġuvni għax ma jridx jagħmel kompromessi ma’ xi relazzjoni barra l-arti.
5. Ta’ 13-il sena tilef id-dawl… ta’ 35 sena kandidat għall-Parlament Ewropew
Kevin Cutajar tilef id-dawl wara marda meta kellu 13-il sena. Dan kollu ma qatagħlux qalbu biex ikompli jistudja. Fil-fatt laħaq avukat u llum jgħix waħdu Malta għalkemm hu Għawdxi. Daħal fil-politika, irnexxielu jitla’ fil-Kunsill tax-Xagħra, ħareġ għall-elezzjoni ġenerali u issa hu kandidat għal MEP. Il-ġlieda tiegħu hi biex ikun hawn aktar aċċess għal nies b’diżabilità.
6. Dalle Stalle alle stelle
Gillian Attard kellha ħajja mill-aktar imqanqla. Tilfet lil ommha b’tir ta’ pistola aċċidentali meta kellha 12-il sena. Għamlet suċċess bil-kanzunetta ‘L-inkwatru tal-Madonna’ iżda kienet sfrattat fejn anke kienet spiċċat f’dipressjoni. Iltaqgħet mal-maħbub preżenti tagħha u reġgħet sabet saqajha. Bdiet tmexxi akkademja tal-kant u spiċċat biex anke ħadet l-unur ta’ Ġieħ ir-Repubblika wara r-rebħ tal-Junior Eurovision mill-istudenta tagħha Gaia Cauchi.
7. Rebbieħ fuq ir-ring…ferut fil-ħajja
Vince Bongailas hu boxer professjonali li anke kien rebbieħ tat-titlu Ewropew tal-Juniors. Vince kien anke kantant u ħa sehem fil-kanzunetta għall-Ewropa. Għamel isem għal Malta f’dan l-isport. Iżda jħossu ferut għax tneħħietlu d-dinjità tiegħu meta l-ebda gvern ma tah xogħol adekwat u xogħlu hu li jieħu ħsieb il-grada tal-grawnds sportivi tal-Marsa fejn hu jħossu ferm umiljat. Sadattant hu jieħu ħsieb it-tfal tal-Kalkara b’mod volontarju fejn jgħallimhom idoqqu, diversi sport ieħor u anke l-arti permezz ta’ voluntiera oħra.
8. L-Università tagħha kienet il-ħajja nnifisha
Roberta Magri hi tfajla ta’ 23 sena. Twieldet bil-kundizzjoni ta’ Central Core Myopathy li bażikament hi li l-muskoli tal-ġisem ikunu dgħajfa u b’hekk hemm ċertu limitazzjonijiet fil-movimenti. Bdiet tuża l-wheelchair wara li kellha tagħmel operazzjoni tal-iscoliosis. Iżda dan kollu qatt ma żamm lil Roberta milli tħossha tfajla normali, li tħobb id-drama, il-qari, moda, psikoloġija, l-Inter u l-PN, ħabiba ta’ eluf u mimlija ħolm pożittiv. Frażi li tħobb tuża ħafna hi: “Irridhom iħarsu lejn x’jien kapaċi nagħmel u mhux x’miniex kapaċi nagħmel.”
9. Għaxar snin battalja kontra l-kanċer… issa trid tibda tgħix
Fleur Marie Cilia Buckett għexet l-aħħar għaxar snin tibbattalja kontra l-marda qerrieda tal-kanċer. Għaxar snin ta’ turmenti tiġġieled flimkien ma’ oħtha ż-żgħira din il-marda, b’oħtha Michelle jkollha kull tip ta’ kanċer mill-2004 sa ma mietet fl-2013 u hi stess għadha tiġġieled kontra l-kanċer tas-sider u issa anke għamlet l-operazzjoni kbira tal-hysteroctomy. Però dan kollu ma qatagħlix qalbha li tkompli tgħix jew skont hi terġa’ tibda tgħix mill-ġdid għax l-aħħar għaxar snin eżistiet u mhux għexet. Weġġgħet, ġiet feruta u ssieltet mal-ħajja iżda qed tħares b’mod pożittiv lejn is-snin li ġejjin
10. Kuljum għal 40 sena sħaħ imur jieħu kafè għand Cordina
Charlie ‘It-Tikka’ Farrugia, twieled, trabba u jgħix Ħal Qormi, iżda sinonimu mal-belt Valletta. Żgur li xi darba jew oħra ltqajtu miegħu Caffe Cordina fejn għal dawn l-aħħar 40 sena qatt ma falla ġurnata milli jmur jieħu kafè f’din il-kafetterija klassika. Magħruf aktar bil-laqam tiegħu milli b’ismu, it-Tikka hu persuna li ħajtu kollha tbissem lil ħajja u din tbissmitlu lura. Hu persuna li l-ġlieda kontra l-ħajja jeħodha biss mil-lat pożittiv. Tilef lil missieru traġikament meta hu kien qed jistudja Ruma għal saċerdot. Illum hu kunsillier Ħal Qormi u membru ta’ Valletta u Floriana Rehabilitation Board u issa tpoġġa fuq bord fil-Ministeru tal-Familja.
11. Il-Fra li jgħix bil-providenza iżda jgħix kuntent
Magħruf minn kulħadd bħala l-Fra Lorrie. Kulfejn issib xi attività fir-raħal ta’ Għajnsielem dejjem tara lil Fra biċ-ċoqqa (jew tonka kif isejħilha hu), imdawwar b’xi ċorma żgħażagħ imidd idejh għal kull ħaġa li jsib quddiemu. Il-Fra hu l-qalb tal-komunità ċkejkna u anzjana tan-naħa magħrufa bħala tal-patrijiet f’Għajnsielem. Fra Lorrie Zerafa hu żagħżugħ ta’ 39 sena, jaħdem bla heda mingħajr ma jaf x’inhuma flus, jgħix bil-providenza li tipprovdilu l-istess komunità iżda jgħix ħajja mill-aktar kuntenta u trankwilla.
12. Trabbiet fil-kumdità u trid tgħin lil min jgħix fit-tbatija
Lara Dimitrijevic hi avukat fil-qasam tal-familja li kellha trobbija komda u għandha żwieġ hieni. Dan kollu wassalha biex tiffoka ħajjitha biex tgħin lil dawk li ma kellhomx il-fortuna tat-trobbija tagħha u ta’ dawk li qed ibatu minn żwiġijiet imfarrka. Ħolqot fondazzjoni għad-drittijiet tan-nisa biex tgħin lil ħafna nisa li qed ibatu minħabba li huma maħqura, inkella jgħixu taħt il-madmad tal-patrijarka fid-dar u ma jistgħux jiċċaqalqu għax iħalluhom bla flus, inkella joħdulhom l-uliedhom jew iħalluhom bla saqaf fuq rashom.
13. Preżentatur televiżiv li jibża’ mill-kamera
Preżentatur popolari Roberto Francalanza fil-fatt m’għadux jidher minħabba din il-fobja li għandu għal kameras tat-televiżjoni. Però dan ma jfissirx li Roberto mhux involut fit-televiżjoni, anzi. Francalanza li minn tfulitu dejjem ħolom li jaħdem fil-mezzi tax-xandir, irnexxielu jagħmel dan, f’kull dipartiment. Ħadem bħala ġurnalist fuq ir-radju u t-televiżjoni, produttur ta’ programmi, preżentatur u llum Human Resources and Corporate Manager ma’ ONE Productions. Roberto hu bniedem pożittiv, ma jaqta’ qalbu minn xejn u minn meta kien ġie wiċċ imb wiċċ mal-mewt aktar u aktar ħass li jdawwar lilu nnifsu bil-pożittività.
14. L-istorja mimlija kuraġġ ta’ mudella li ntlaqtet mill-isklerosi multipla
Claire Peresso hi mara ta’ 38 sena. Hi kellha ħajja mimlija nżul u tlajja, ħajja missielta sew iżda fl-istess waqt hi mara żagħżugħa mimlija kuraġġ u ħolm għal futur. Immaġinaw li ta’ 38 sena tħabbat wiċċha mal-isklerosi multipla, mad-dijabete, mal-ulcerative colitis (fejn tneħħitilha l-musrana prinċipali), mal-kundizzjoni tas-celiac u anke mat-thyroid. Però dan xorta mhux biżżejjed biex iwaqqaf lil Claire milli toħlom u tiġġieled biex tirbaħ fuq dan il-mard kollu fejn bil-mod il-mod qed jirnexxilha. Kienet mudella ta’ suċċess u tixtieq tirritorna fid-dinja tal-ispettaklu bħala attriċi f’xi drama televiżiva.
15. Il-konverżjoni tal-Pajs…il kappuċċin li jgħix għan-nies
Patri Karmenu Aquilina magħruf fis-Siġġiewi bħala l-Pajs ma jridx jaf bi glorji iżda li jagħti ħajtu għan-nies, għal min hu fil-bżonn u ċaħad il-Jien. Sentejn u nofs ilu sar saċerdot wara 12-il sena ta’ appostolat iżda qabel kien mekkanik għal rasu, għarus, għamel żmien qas bi knisja ma ried jaf fejn id-dagħa kien parti mill-vokabolarju tiegħu. Meta tilef l-imħabba tal-għarusa tiegħu offra mħabbtu għal Alla u l-poplu tiegħu. Il-mod kif minn żagħżugħ ta’ ftit skola rnexxielu jġib marki għolja fl-Università ra r-raġġ ta’ dawl li l-Mulej riedu għalih. Il-Pajs hu patri sempliċi mimli b’għerf sempliċi li jużah biss mal-poplu t’Alla. Jara lil Knisja bħala l-poplu u l-iżbalji mill-membri tagħha mhumiex tal-Knisja iżda tal-kleru.

