Gladjaturi tal-Ħajja
Louis Debattista - Id-Don Bosco tal-Qala
minn John Busuttil
Twieled Għawdex 46 sena ilu, iben tfajla Maltija li dak iż-żmien kien għad kellha 16-il sena u missier li baqa ‘unknown’ għalih sal-lum. Mat-twelid tħalla jitrabba fl-istitut ta’ Lourdes f’Għajnsielem. Ta’ 11-il sena kien trasferit għad-dar ta’ San Ġużepp sa ma kellu 17-il sena. L-iskola flimkien ma’ ‘ħutu’ l-oħra tal-istitut kien jiġi bullied u xi drabi msawwat ukoll. Anke fid-dar ta’ San Ġużepp sab il-bullying minn żgħażagħ akbar minnu fl-età. Però barra l-ħajja li sawtitu sab ukoll l-imħabba u l-futur tiegħu. Sab il-missirijiet li qatt ma kellu, Dun Manwel u Dun Louis. Dun Manwel għallmu s-sengħa ta’ mastrudaxxa li wasslitu biex spiċċa fetaħ negozju għalih l-Istati Uniti. Hemmhekk iltaqa’ ma tfajla Amerikana, Adele u flimkien rabbew familja bi tliet ulied.
Ħames snin ilu rritorna Għawdex. Hawnhekk iddeċieda li dik l-imħabba bla kundizzjoni li rċieva fl-ewwel stadju ta’ ħajtu li bnietu fir-raġel li hu llum, ried jgħaddiha lil ħaddieħor. Beda jiġbor it-tfal Għawdxin u qed jgħallimhom u jħarriġhom fil-ħajja sportiva, ħajja mimlija attività, li jkunu aktar konxji ta’ saħħithom u biex inaddfu l-ambjent ta’ madwarhom.
Gladjatur mill-aqwa, abbandunat fit-twelid, imrobbi f’orfanatrofju fejn minnu sar mhux biss raġel ta’ suċċess u sportiv, iżda missier mhux biss tat-tliet uliedu iżda ta’ ħafna tfal li fih sabu lil Don Bosco modern. “Irrid inkun Dun Manwel u Dun Louis għal dawn it-tfal. Il-volontarjat wassal lili hawn, issa wasal il-waqt li nagħti lura l-imħabba li rċevejt mill-Istitut billi noffri lili nnifsi fil-volontarjat.”
Din kienet l-ewwel sentenza li qalli Louis Debattista malli dħalna fid-dar tiegħu l-Qala. Dar fuq stil rustiku bi swimming pool battal u bi spettaklu naturali tal-kampanja ta’ dan ir-raħal sabiħ Għawdxi. Iltqajt miegħu fejn l-iskola tat-tfal għax kien għadu kif segwa lill-ibnu fuq ir-rota biex imur l-iskola, għax Louis hu sportiv ħafna u jrid jrabbi lill-uliedu attivi.
Qabel dħalt id-dar avżani li għandu kelba, iżda din bqajt ma ltqajtx magħha ħlief tliet sigħat wara eżatt kif intemmet l-intervista. Sadattant ingħaqdet magħna martu Adele li hi minn Mississippi li ħejjietli naqra kafè tal-moka, tajba, forsi mhux daqs kif jagħmluha t-Taljani, iżda bnina wkoll. Iddeċidejna li l-intervista jew aħjar id-diskussjoni nagħmluha bl-Ingliż ħalli Adele tkun komda tismagħna.
Louis twieled fl-Imnarja tal-1967 u għandu tliet ulied, Luciana ta’ 13-il sena, Cennie ta’ 11-il sena u Louis ta’ 7 snin. Louis hu l-fundatur tal-club ‘Greyhound Youth Athletic Club’ fejn fih hemm diversi tfal mill-Qala u anke mill-villaġġi tal-madwar li jippratikaw ċikliżmu, hiking, ġiri u għum (fis-sajf). Minn din is-sena kellu idea sublimi grazzi għal suġġeriment ta’ tifla ta’ 9 snin, Nicole Camilleri li waqt li kienet hike miegħu nnutat ħafna ħmieġ u qaltlu li dan il-ħmieġ idejjaqha wisq. Tant li qaltlu li se tgħid lil missierha li għandu krejn biex jiġbor l-iskart li kapaċi jagħmel l-uman biex iħammeġ l-ambjent. “Hemm bżonn li t-tfal nisimgħuhom. Fil-fatt bqajt naħseb fuq li qaltli u minn dis-sena bdejt norganizza hikes madwar il-kosta ta’ Għawdex kull nhar ta’ Ħadd fis-1pm u fl-istess ħin innaddfu kull skart li nsibu.”
Idea sublimi fejn filwaqt li t-tfal ikunu fiżikament attivi, jgawdu l-ambjent sabiħ u jnaddfuh ukoll. Kull nhar ta’ Ħadd, Louis ilaqqa’ madwar 30 jew 40 persuna f’dawn il-hikes speċjali fejn flimkien mat-tfal qed jingħaqdu diversi barranin li jgħixu Għawdex, klieb u qalli li l-aħħar wieħed kien hemm xi ħadd li mar bi ħmar f’dan il-hike. Skont Louis qed jaħdem biex dawn il-hikes iduru dawra sħiħa mal-kosta ta’ Għawdex u fil-fatt kull darba, kull hike qed idum madwar ħames sigħat.
Waqqaftu ftit u tlabtu jirrakkuntali ftit dwar tfulitu, żgħożitu u t-triq li wasslitu sal-ġurnata tal-lum. “Kienet tfulija iebsa, fejn minħabba l-fatt li għax konna t-tfal tal-istitut konna niġu mkasbra u kultant anke msawta. Sadattant ma stajniex niddefendu ruħna, mhux għax ma konniex nifilħu għal min kien isawwatna, iżda konna mimlijin biża’ għax kif nagħtu daqqa aħna, niġu kastigati għax aħna l-ħżiena, għax aħna tal-istitut. Għalkemm ġieli għamilna ħbieb ma’ xi klikka tajba fejn kif kienu jiġu jsawtuna l-oħrajn kienu jaqbżu għalina. Il-bullying hu xi ħaġa tal-biża’, iżda l-bullying jista’ jagħmlek aktar b’saħħtek inkella jkissrek. Hemm minn sħabi li kellhom suċċess iżda hemm oħrajn li spiċċaw il-ħabs.”
Louis qalli li fl-orfonatrofju kienu madwar 30 tifel u kien jieħu ħsiebhom qassis wieħed. “Trabbejt f’dixxiplina li għenitni nagħraf it-tajjeb u l-ħażin. Tgħallimt inwarrab il-ħażin u ntejjeb it-tajjeb. L-istitut lili għamilni raġel għax hemm sibt il-missier li dejjem xtaqt li kelli u qatt ma ltqajt miegħu. Dun Manwel Galea kien missieri. Għallimni s-sengħa ta’ mastrudaxxa u kien anke xtrali xi makkinarju fejn ta’ 12-il sena spiċċajt anke naqla’ l-flus. Bdejt insir magħruf f’Għajnsielem bħala t-tfajjel mastrudaxxa u kienu jordnawli xi kaxxa għal ħobż jew xi banketta. Sa ma spiċċajt mill-orfonatrofju kont faddalt Lm1,000 minn dan ix-xogħol li kont naħdem.”
Louis kienu tgħarrfulu li missieru seta’ kien Amerikan u għalhekk minn meta kien żgħir dejjem ħolom li jmur ifittxu l-Amerka. Hawnhekk Louis ħares lejja u qalli, “kemm nixtieq inkun naf min hu missieri. Din hi l-akbar ħolma tiegħi.”
Ta’ 17-il sena kellu joħroġ mill-Istitut u hawn sab xortih meta l-familja tal-Lingi li huma l-proprjetarji tal-Calypso Hotel, xtaquh ikun parti mill-familja tagħhom. “Kont naħdem magħhom u kienu jħobbuni immens. Kienu anke riedu jagħtuni dar. Iżda jien m’aċċettajtx għax ridt insiefer. Iltqajt ma’ familja Għawdxija li tgħix l-Amerka li aċċettaw li joħduni magħhom New York. Wara xi sitt xhur li kont ili ngħix New York kont ħiereġ mill-quddies u kumbinazzjoni ltqajt ma’ Għawdxi mix-Xagħra li kien jaħdem miegħi l-Calypso Hotel u dan offrieli xogħlu għax hu kien se jirritorna lejn Għawdex. Ix-xogħol kien li nkun doorman ma grupp ta’ appartamenti. Iżda kelli bżonn il-permess tax-xogħol. Mort l-ambaxxata Maltija li biex irranġawli kelli nħallas Lm800. Naf li kienet korruzzjoni iżda nberikhom għax minn hemm sibt il-ġenna.”
Fil-fatt f’wieħed mill-appartamenti kien hemm tgħix Adele, illum il-mara tiegħu u flimkien grazzi għas-sengħa ta’ mastrudaxxa li kellu ħa l-liċenzja ta’ GC u beda jaħdem bħala kuntrattur fejn kien iħaddem għaxar min-nies, 4 minnhom Għawdxin. New York dam 24 sena li kienu biżżejjed biex jirritorna jgħix Għawdex, komdu u trankwill.
“Uliedi bdew jattendu l-iskola tal-Qala u kienu jiġu jgergru li m’għandhomx lezzjonijiet tal-edukazzjoni fiżika. Niftakar li sentejn ilu mort inkellem lil madame u offrejt li ngħallem il-PE jien lill-iskola kollha, mingħajr ħlas. Qaltli li se titlob permess mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni u tgħarrfitli li l-permess ma ġiex milqugħ. Sadattant inbidlet il-madame u erġajt għamilt l-istess offerta u din approvatli l-permess u fil-fatt kull nhar ta’ Ħamis indur il-klassijiet kollha ngħallimhom il-PE, b’mod volontarju, fejn nasal id-dar għajjien mejjet.”
Louis li hu bniedem mill-aktar sportiv, fl-Istati Uniti kien jikkompeti fiċ-ċikliżmu u kien jippratikka anke l-karat, qalli li waqt dawn il-lezzjonijiet induna kemm it-tfal ma kienu jafu xejn dwar attivitajiet sportivi. U ddeċieda li joħloq il-‘Greyhound Youth Athletic Club’. Bl-isem ġej minħabba li l-kowċis li joħduk minn stat għall-ieħor fl-Istati Uniti jisimhom Greyhound. Fl-istess ħin dan il-kelb irid li jimraħ fl-apert u fl-ispazji bħalma hu ried li t-tfal jimirħu fi spazji miftuħa.
L-ewwel attività bdiha bir-roti fejn kellu madwar 16-il ċiklista żagħżugħ tant li kellu jaqsamhom f’żewġ gruppi biex ikun jista’ jieħu ħsiebhom sew. “Wara bdejt niffoka fuq tiġrijiet fit-tul fejn kont inħarriġhom f’dan l-isport tliet darbiet fil-ġimgħa, b’siegħa u nofs taħriġ kull darba. Qed nara ħafna interess mit-tfal iżda mhux l-istess nista’ ngħid mill-amministraturi tal-gvern, għalkemm irrid nammetti li Stefan Buontempo semagħni l-aħħar li kellimtu.
“Jien ma naqla’ xejn u ma rridx flus. Qed nagħti ħini flok nagħtih lill-uliedi. Kulma rrid hu post fejn it-tfal jistgħu jiġru u jitħarrġu, iżda t-trakka hi meħudha mill-isport tal-futbol meta dawn tant għandhom pitches. Lit-tfal irrid neħodhom jew fit-trakka taż-żwiemel inkella fit-toroq bil-periklu kollu li joffri t-traffiku. Meta titlob għajnuna jibdew jitolbuk ħafna affarijiet, statut (li tajthom) kont tal-bank (li tajthom ukoll), li tingħaqad ma’ federazzjoni. Insomma kull darba li tagħtihom li jitolbuk isibulek xi ħaġa oħra. Kulma rridu post fejn jitħarrġu u trasport. Jien neħodhom kull nhar ta’ Sibt it-trakka ta’ Malta u dawn iridu jħallsu minn buthom tat-trasport. Kulma rrid li nibnu l-futur fuq l-isport u niġġieldu l-obeżità fit-tfal permezz tal-isport.
“Iżda wisq qed ninnota li paroli hawn kemm trid iżda fatti ftit jew xejn. Qed nitlob ukoll biex il-Ministeru għal Għawdex jgħin lit-tfal permezz tal-Eco Gozo. Qed innaddfu Għawdex u kulma qed nitlob hu trasport li jwassalna safejn inkunu se nibdew il-hike, biex induru ma Għawdex kollu u flokkijiet ta’ Eco Gozo għax il-ġenituri qed igergru li l-flokkijiet qed ikunu maħmuġin wisq minħabba li dawn inaddfu ż-żibel li jħalli ħaddieħor.”
Ħolma oħra ta’ Louis hi li jara l-iskejjel kollha li darba kull ħmistax jorganizzaw hikes ta’ ġurnata madwar Għawdex flimkien mal-membri tal-familja. Skola sħiħa tmur hike u kulħadd jkun jista’ jara l-ambjent sabiħ li hawn f’Għawdex u fl-istess ħin iżommu ruħhom attivi.
Sirt naf ukoll li Louis isuq ir-rota mal-ALIVE biex jiġbru fondi għal kura tal-kanċer. Dis-sena se jsuqu 1,000 kilometru minn Praga, Bratislava, Awstrija eċċ. Louis hu l-uniku Għawdxi li se jieħu sehem, “inħallas €220 biex nieħu sehem u nkun irrid niġbor sponsor ta’ €2,200 biex tingħata għal kura tal-kanċer. Taf li qas ċenteżmu ma ġbart minn Għawdex. Irnexxieli niġbor €1,000 minn Amerikan li sar jafni mill-internet.”
Nofs ta’ nhar tar f’ħakka t’għajn, konna ilna tliet sigħat u nofs nitkellmu. Kien sar il-ħin li nħallihom u waqt li sellimt lil Louis u lil Adele tfaċċat il-kelba li hi tassew sabiħa u wara li daret darbtejn miegħi mort lura d-dar mimli enerġija pożittiva li ltqajt ma’ persuna li mill-ħajja iebsa ra biss il-pożittiv. Persuna li ġġieled mal-ħajja u wara li rebaħ qed jagħti lura minn dak li rċieva meta kien tfajjel, anke jekk ħajtu bdiet fuq nota sfortunata. Louis mill-isfortuna sab il-fortuna.