L-abbiltà fid-diżabbiltà

Żjara liċ-ċentru ta’ matul il-jum fi Fleur-de-lys

Ftit ’il bogħod mir-round about ta’ Santa Venera wieħed isib tabella żgħira li tindika Ċentru ta’ Matul il-Jum. F’dan iċ-ċentru jattendu madwar 70 persuna ta’ etajiet diversi kif ukoll abbiltajiet varji. Dan għaliex dan iċ-ċentru jilqa’ fih persuni b’diżabbiltà.

Id-diżabbiltà minnha nfisha tfisser li wieħed għandu ċerta restrizzjonijiet f’ħajtu li jistgħu jkunu kemm fl-abbiltà fiżika jew intelletwali jew inkella t-tnejn flimkien. Hemm min jitwieled b’diżabbiltà jew inkella jsir diżabbli wara xi marda jew aċċident. Li ngħinu lil dawn in-nies hu d-dover tagħna lkoll.

Għalkemm id-diżabbiltà tippreżenta diversi sfidi, fiċ-ċentru ta’ matul il-jum ta’ Santa Venera l-attenzjoni tingħata fuq l-abbiltà tal-persuna aktar milli d-diżabbiltà. F’dan iċ-ċentru wieħed jista’ jara ħidma kontinwa f’diversi forom u fi gruppi skont l-abbiltà u l-interess tal-individwu.

Ftit tal-jiem ilu din il-gazzetta żaret dan iċ-ċentru li preżentament hu mmexxi minn Charles Pace bħala mexxej. Charles ilu jaħdem f’dan is-settur għal aktar minn 30 sena u miegħu hemm tim sħiħ ta’ ħaddiema li ta’ kuljum, mit-Tnejn sal-Ġimgħa, jaħdmu bħala tim wieħed bil-klijenti jkunu l-qofol ta’ ħidmiethom.

Waqt li dorna dawra mal-post u ltqajna mal-ħaddiema u l-klijenti, Pace spjega li fost il-ħafna affarijiet li jsiru fiċ-ċentru hemm it-tagħlim tal-Life Skills. Dan it-tagħlim hu intenzjonat sabiex il-klijenti kemm jista’ jkun ikunu indipendenti fuq affarijiet bħal ma huma iġene personali, użu tat-trasport pubbliku kif ukoll integrazzjoni fil-komunità.

Tagħlim ieħor li jsir huwa fuq il-fuħħar fejn darba fil-ġimgħa l-klijenti jingħataw taħriġ fit-tafal u kif joħolqu oġġetti bl-użu ta’ forom jew inkella kreazzjonijiet individwali. 

Pace dawwarna wkoll ma’ workshop fejn fih isir it-tagħlim tal-arti bil-mużajk. Hawnhekk, wieħed jista’ jammira l-finezza u d-dedikazzjoni tal-klijenti f’dan it-tip ta’ xogħol li jsir kemm minn klijenti bl-awtiżmu kif ukoll minn persuni neqsin mid-dawl billi jsegwu disinni speċjali. Dan ix-xogħol hu wieħed ta’ kwalità għolja ħafna u li qajla jitwemmen li jsir f’dan iċ-ċentru.

Xogħol ieħor li jsir hu dak magħruf bħala sheltered employment, fejn fiċ-ċentru stess ġie maħluq ambjent ta’ xogħol produttiv bil-klijenti jagħmlu xogħol ta’ stampar bit-timbri, twaħħil ta’ stickers, mailshots, kif ukoll ippakkeġġjar għal kumpaniji privati. 

Dan ix-xogħol ma jsirx b’xejn u l-kumpaniji li jużaw is-servizz taċ-ċentru jkunu mistiedna jagħtu donazzjoni xierqa li minnhom il-klijenti jirċievu persentaġġ.

Innutajna wkoll però, li l-post għandu bżonn xogħlijiet ta’ manutenzjoni sabiex l-ambjent ikun wieħed aktar frisk u modern.

Staqsejna lis-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana jekk hemmx xi pjanijiet sabiex dan iċ-ċentru jingħata aktar attenzjoni fiż-żamma tal-post. Fit-tweġiba tagħha Caruana qalet li s-segretarjat jemmen fl-abbiltà u allura qed jieħdu kull opportunità possibbli biex joħorġu u jippromwovu l-abbiltajiet tal-persuni b’diżabbiltà in partikolari dawk li jattendu ċ-ċentri. Spjegat kif fil-fatt qed jieħdu diversi inizjattivi biex jikkumbattu l-perċezzjoni li l-persuni li hemm fiċ-ċentri qegħdin hemm sempliċiment biex jgħaddu l-ħin. 

Kompliet tgħid “għall-uffiċċju ridna xi għamara u ordnajnieha miċ-Ċentru ta’ Wied il-Għajn u qed nimlew u nżejnu l-ambjent tal-uffiċini tagħna b’oġġetti magħmula mill-klijenti taċ-ċentri. Għat-tnedija tal-istandards tar-residenza għall-persuni b’diżabbiltà, stedinna lil diversi persuni li jattendu ċ-ċentri tagħna biex jesponu t-talenti tagħhom u matul ix-xhur li ġejjin se norganizzaw spazju fil-Ministeru fejn il-pubbliku jkun jista’ jammira dan ix-xogħol magħmul bi preċiżjoni u kapaċità kbira.” 

Is-Segretarju Parlamentari saħqet li apparti li nippromwovu l-abbiltà rridu wkoll nuru li l-persuni b’diżabbiltà kapaċi jagħmlu xogħol produttiv u allura kapaċi li jiġu impjegati u jagħtu l-ġurnata tax-xogħol tagħhom. Semmiet li l-isfida ewlenija f’pajjiżna hija l-impjieg tal-persuni b’diżabbiltà għaliex hawn perċezzjoni ħażina li dawn mhux kapaċi jaħdmu u għalhekk qed jinkoraġixxu l-impjieg ta’ persuni b’diżabbiltà billi jagħtu l-eżempju fis-segretarjat stess.

“Iċ-ċentri tagħna għandhom potenzjal kbir. Naf li hemm il-ħtieġa ta’ xogħlijiet ta’ manutenzjoni li ilhom pendenti diversi snin. Imma issa beda programm ta’ xogħol li qed isir in konsegwenza ta’ ftehim milħuq bejn is-Segretarjat tagħna u l-Ministeru ta’ Joe Mizzi. Fiċ-ċentri tagħna għandna nies li għandhom ħafna ideat u li għandhom għal qalbhom is-settur u qed naħdmu magħhom biex nimmotivawhom u dawn iċ-ċentri nibdluhom f’hubs ta’ kreattività, opportunità u fuq kollox abbiltà” temmet tgħid Caruana.

More in Socjali