"Il-Knisja f'Għawdex għadha iktar ħajja"
Fra Lorrie jgħix bil-providenza iżda jgħix kuntent, lanqas il-wirt ta' familtu m'għandu dritt fuqu iżda "niżgurak li Sant'Antnin jipprovdi immens"
minn John Busuttil
Magħruf minn kulħadd bħala l-Fra Lorrie. Kulfejn issib xi attività fir-raħal ta’ Għajnsielem dejjem tara lil Fra biċ-ċoqqa (jew tonka kif isejħilha hu), imdawwar b’xi ċorma żgħażagħ imidd idejh għal kull ħaġa li jsib quddiemu. Il-Fra hu l-qalb tal-komunità ċkejkna u anzjana tan-naħa magħrufa bħala tal-patrijiet f’Għajnsielem. Żagħzugħ ta’ 39 sena, jaħdem bla heda mingħajr ma jaf x’inhuma flus, jgħix bil-providenza li tipprovdilu l-istess komunità iżda jgħix ħajja mill-aktar kuntenta u trankwilla. Il-battalja tiegħu mal-ħajja hi li jara lil ta’ madwaru li hu jseħilhom il-familja tiegħu, kuntenti. X’differenza hemm bejn Patri u Fra? Għaliex għażel din il-ħajja? Xi jfisser Ġesu għalih? X’għandha x’taqsam l-art imqaddsa ma’ dan il-Fra? Din l-intervista tara lil dan il-Fra umli u mimli għerf tal-ħajja jwieġeb dan kollu.
Iltqajt ma’ Fra Lorrie fil-kunvent ta’ Sant Antnin. Kunvent b’xenarju meraviljuż faċċata tiegħu fejn wieħed jista’ jara Kemmuna u Malta qishom żewġ blatiet kbar impoġġija fuq il-fliegu ikħal imdawwal bix-xemx tiżreġ fuqu (dan kien fil-ġurnata li mort). Laqagħni, offrieli kafè li jien irrifjutajt u dħalna f’kamra fejn f’nofsha kien hemm mejda kbira mdawra b’diversi siġġijiet. U bdejna nitkellmu fuq tfulitu mdawrin bil-ħoss perfett…is-silenzju.
Fra Lorrie mwieled u mrobbi Għajnsielem kellu tfulija bħal ta’ ħaddieħor fejn kien imur jilgħab mal-ħbieb fin-naħa hekk imsejħa tal-patrijiet u meta beda jikber beda jattendi ċ-ċentru tal-patrijiet fl-istess post.
Hemmhekk kien iltaqa’ ma’ Fra Pawl, patri anzjan ħafna, li Fra Lorrie jiddeskrivih bħala persuna sempliċi għall-aħħar li kien ukoll il-bniedem li nebbħu biex jingħaqad mal-Ordni Franġiskana. “Iżda d-deċiżjoni ħadtha wara l-mewt ta’ missieri, Kelinu. Tgħidlix għaliex però ħassejt ġibda kbira biex nidħol reliġjuż. Fil-fatt sena wara li miet, fl-1992 dħalt patri. Tad-dar aċċettawha mill-ewwel id-deċiżjoni tiegħi għalkemm kien hemm xi żewġ zijiet min-naħa ta’ ommi li kienu ftit xettiċi dakinhar.”
Staqsejtu għaliex fra u mhux patri u hawn jidher li għafastlu l-buttuna żbaljata, għax mill-ewwel weġibni, “din hi perċezzjoni żbaljata f’Malta (u Għawdex). Malta biss tagħmel din id-differenza bejn patri u fra. Malta tassoċċja lil fra mal-kċina jew is-sagristija. Hu kunċett żbaljat għal kollox. Fra hu patri ieħor. Fil-fatt aħna kollha meqjusin bħala ‘Frati.’ Fra u patri huma l-istess. Imbagħad hemm minna li jagħżlu wkoll li jqaddsu u jqarru li dan hu xi ħaġa oħra, li iżda ma jagħmlekx patri aħjar minn ieħor. Jien għażilt li ma nqaddisx u ma nqararx biss. Il-bqija għandi l-istess drittijiet u obbligi bħall-oħrajn kollha u marbut bit-tliet voti (bħalma huma s-sorijiet ukoll) dak tal-faqar, ubbidjenza u l-kastità. U jekk irrid noħroġ minn Fra rrid nitlob id-dispensa mill-Vatikan bħal kull saċerdot ieħor.” Staqsejtu mela xi tfisser OFM li skont jien kienet tfisser Ordni Franġiskani minuri. “Għandek żball kbir dik bil-Latin hi Ordo Frati Minorum. Jew issejħilna Ordni Franġiskana, jew patrijiet minuri.”
L-ewwel sena tiegħu ta’ patri għamilha Ta’ Ġieżu r-Rabat, imbagħad għamel seba’ snin Villambrosa l-Ħamrun u fl-istess waqt jgħin fil-komunità tal-Belt u għamel tliet snin Baħar iċ-Ċagħaq. Iżda issa ilu 12-il sena Għawdex, art twelidu. F’dan il-kunvent meraviljuż fejn madwarek tirrenja paċi liema bħalha jgħixu ħames patrijiet, u Fra Lorrie hu l-iżgħar fosthom.
Mistoqsi jekk bħala ż-żgħir ix-xogħol jintefax kollu fuqu, Fra Lorrie persuna mill-aktar umli u bi tbissima qalli, “Le mhux kollox jien. Ara taħseb li l-kunvent iżomm fuqi ta. Hawn ħafna patrijiet li jaħdmu wkoll. Forsi nidher l-aktar jien.” Mistoqsi jekk isajjarx weġibni mill-ewwel, “le jien niekol biss.”
Fra Lorrie qal li xogħlu hu li fis-7am jqum jitlob, jagħmel il-qadi tal-kunvent, iżur l-ommu Lela għax marida u jeħodha għat-terapija l-isptar, jiekol ma’ sħabu l-patrijiet f’nofsinhar u filgħaxija jkun hemm il-quddies u aktar talb. L-ikel ta nofsinhar ikun imhejji minn koka u filgħaxija kulħadd jaħseb f’xi ħaġa għalih. Televiżjoni hemm wieħed għal kulħadd fejn iservi bħala laqgħa bejn il-patrijiet biex isegwu programm flimkien u jgħidu xi kelma wkoll. Iżda Fra Lorrie għandu l-kompjuter u juża ħafna l-Facebook biex iwassal il-messaġġi u l-avvenimenti tal-knisja lill-komunità Għajnselmiża u anke jitfa’ r-ritratti tiegħu u ta’ dak li jkun qed jagħmel.
Għax Fra Lorrie qabel daħal patri, kien jistudja għal mastrudaxxa u fil-fatt jaħdem ħafna fuq l-armar tal-knisja u anke ta’ barra għal festa ta’ Sant’Antnin. Staqsejtu jgħidli xi ħaġa dwar il-komunità ta’ Sant’Antin fejn innutajt li għal festi ta’ din il-knisja jattendu diversi nies mill-Qala u n-Nadur barra ta’ Għajnsielem. “Dik kienet ir-raġuni għaliex l-Isqof Giovanni Maria Camilleri kien tana l-post għal knisja. Għażel hawn biex tkun il-fus ta’ tliet parroċċi, għax tinsab fil-periferiji ta’ Għajnsielem, Nadur u Qala. Hawn għandna komunità ċkejkna, l-iżgħar fost iż-żgħar. Il-festa ta’ Sant’Antin hi l-qofol tagħna li ssir f’Ġunju. Aħna nordnaw in-nar ġimgħa qabel skont kemm inkunu ġbarna flus fejn hemm ċertu Peppinu li dejjem jieħu ħsieb in-nar ta’ din il-komunità u dejjem jirnexxilu jiġbor biżżejjed biex ikollna festa ħelwa bin-nar. Norganizzaw tombla kull ġimgħa u l-qliegħ ukoll imur għan-nar. Ikollna festa ħelwa iżda b’qiesna, dejjem saqajna mal-art.”
Fra Lorrie kellu esperjenza ta’ 11-il sena f’Malta u tlabtu dwar jekk jarax differenza bejn il-Knisja f’Malta u dik Għawdxija. “Il-Knisja f’Għawdex għadha ċentru tal-ħajja. Għadek tara n-nies jilbsu pulit biex imorru l-quddies kull nhar ta’ Ħadd. Hawn stima kbira għal membri tal-kleru, speċjalment għar-reliġjużi (patrijiet u sorijiet). Il-Knisja f’Għawdex hi aktar ħajja minn dik Maltija.” Staqsejtu jekk jarax żgħażagħ jersqu lejn il-Knisja fejn Fra Lorrie qal li f’kull lokalità għandek bidla ta’ ġenerazzjoni. Fil-fatt jiftakar li l-komunità fejn qiegħed kienet mimlija tfal, illum dawn it-tfal saru żgħażagħ, sabu ħajjithom u ċċaqalqu u baqgħu biss in-nanniet. “Din hi triq mimlija anzjani forsi hawn żewġ jew tliet koppji żgħażagħ.”
Fra Lorrie jaħdem bla heda għal knisja tiegħu u għas-servizz fil-komunità iżda ma jitħallasx bil-flus, jitħallas bil-providenza. “F’ħajti ħdimt bi qliegħ għal żewġt isjuf biss, qabel dħalt patri. Għamilt sajf naħdem Ta’ Ċenċ u sajf naħdem nagħmel il-membrane fuq il-bjut. Il-bqija kont student ħaddiem meta kont qed nistudja għal mastrudaxxa. Kienu bagħtuni l-garaxx tal-gvern u sena minnhom kont diġà dħalt patri r-Rabat.”
“Meta nidħlu patrijiet nirrinunzjaw anke għal wirt”
Staqsejtu hux diffiċli li taħdem u ma titħallasx. “Ħa ngħidlek eżatt xi tfisser tkun Franġiskan fl-Ordni tagħna. Aħna l-uniku ordni li ngħixu eżatt il-ħajja ta’ San Franġisk. Meta nidħlu patrijiet nirrinunzjaw anke għal kull tip ta’ wirt. Il-wirt li skont il-liġi suppost nirtu rridu ngħadduh lil ħaddieħor. Lanqas lill-kunvent ma nistgħu nħalluh. Aħna ngħixu biss bil-providenza. U iva nemmen fiha għax ngħixha kuljum. Nieklu u ngħixu mill-ġbir fil-knisja u minn xi attività ta’ ġbir ta’ fondi. Aħna ngħixu biss bl-elemożina. Anke fil-maħżen il-materjal jiġi bil-providenza fejn ħafna drabi mmur nixtri u tal-ħanut jgħidli dawk għalija ma rridx flus tal-materjal. Ġieli jarawna mexjin fit-triq u jiġi xi ħadd fuqna u jagħtina l-flus fil-but.
“La l-Gvern u lanqas il-kurja ma tagħtina flus. Aħna bħala reliġjużi ma naqgħux taħt l-isqof iżda taħt il-provinċjal, l-isqof jieħu ħsieb biss il-kura pastorali. Però nista’ ngħidlek li Sant’Antnin jipprovdi immens.”
Staqsejtu jekk kienx hemm xi drabi li kienu magħfusin bil-flus. “Ifhimni jien qatt ma ħassejtni nkwetat, forsi l-gwardjan li jrid iħallas il-kontijiet jkollu uġigħ ta’ ras iżda dejjem ipprovda. Għax aħna dejjem nieħdu ħsieb li f’dak kollu li nagħmlu nibbilanċjaw.”
Staqsejtu jekk jiġuhx mumenti li jiddispjaċih li daħal fra, fejn b’dawk l-għajnejn kastanji mimlija ferħ xengel rasu mill-Lvant għal Punent u qalli, “qatt ma ddispjaċieni. Ġieli nħossni waħdi bħal kull bniedem ieħor. Patri hu bniedem bħal kulħadd, bid-dwejjaq u l-ferħ inkluż fil-pakkett tal-ħajja.”
Bdejna diskussjoni fuq dak li qed jiġri madwarna f’dan it-taqlib ta’ stil ta’ ħajja mhux fuq l-istess linji li temmen il-Knisja Kattolika. Impressjonani l-mod li weġibni l-fra “minn estrem morna għall-ieħor” beda Fra Lorrie, “Konna magħluqin f’dinja għalina fejn dak li jgħid is-saċerdot kien sagrosant. U issa sirna globu ta’ għerf u jekk is-saċerdot jiftaħ ħalqu fuq dak li ma jaqbillekx għal widnejk irriduh jagħlaq ħalqu.”
Ma stajnix ma nsemmux lil Papa Franġisku u t-terremot li qed jagħmel fil-Knisja Kattolika. Hawn Fra Lorrie tkellem b’mod filosofiku dwar il-Papa. “Wieħed irid jifhem li aħna l-Ewropej mhux imdorrijin bi stil ta’ ħajja li għex dan il-Papa f’ħajtu. Aħna mdorrijin bit-twapet ħomor u ħafna ċerimonji. Dan trabba u għex f’ambjent tat-tielet dinja u ta’ faqar u allura qed jgħix il-ħajja li jaf. Jemmen f’kulturi differenti u li aħna l-Ewropej konna nsejna dan il-wiċċ tal-Knisja.”
Fil-ġurnata tal-lum ftit għadek tara patrijiet biċ-ċoqqa jew saċerdoti bis-suttana iżda dan il-fra dejjem tarah għaddej biċ-ċoqqa “Aħna ngħidulha tonka u mhux ċoqqa” beda biex qalli. “Jien kważi dejjem bit-tonka anke t-tieġ ta’ ħuti biha mort. Jien qatt ma stħajt mill-għażla li għamilt u rrid ngħixha l-għażla tiegħi. Anke l-vot tal-kastità xejn ma jdejjaqni. Biex wieħed ikun jaf, il-kastità mhux sagrament kienet għażla tiegħi li nieħu dak il-vot.” Mistoqsi jekk il-Knisja tgħaddiha li l-patrijiet jistgħu jiżżewġu jitħajjarx, Fra Lorrie qal li hu ma jemminx bil-kieku, iżda bil-preżent.
Semmieli wkoll l-esperjenza tiegħu fl-art imqaddsa fejn jaħdem mill-qrib mal-Ortodossi li hemm minnhom monaċi u oħrajn miżżewġin. “Tinduna li dawk miżżewġin jkollhom problemi aktar minħabba n-nisa tagħhom u l-ulied. Għalija l-komunità nnifisha hi l-famija tiegħi.”
Fra Lorrie hu l-viċi kummissarju tal-Art Imqaddsa. Dan ifisser li jgħin lil kummissarju Patri Twanny Chircop jiġbru donazzjonijiet għall-Art Imqaddsa li hi mmexxija mill-ordni minuri ta’ madwar id-dinja. Fra Lorrie kellu l-opportunità li fl-1997 għex xahar Betlem fejn kien jgħallem lin-nies tal-lokal kif isir ix-xogħol bil-madre perla u fl-2005 kellu esperjenza ta’ xahar ieħor fl-iskavi f’Umm al-Rasas fil-Ġordan mal-mibki Patri Ġwann Abela. Dan hu sit immexxi wkoll mill-patrijiet.
Fra Lorrie barra dan kollu jaħdem fis-segretarjat mal-missjonijiet Franġiskani tal-Honduras, definitur mal-kunsilliera tal-provinċjal, sagristan, jieħu ħsieb l-abbatini, il-kor, il-festa u l-armar tagħha. Insomma l-Fra li ma jieqaf qatt, fejn bħalissa għaddej bil-ħidma fil-bini ta’ Betlem f’Għajnsielem. Il-grupp tal-armar ta’ Sant’Antnin se jieħu ħsieb is-suq ta’ Betlem. “Din hi idea tajba għax hi idea ftit inqas kummerċjali dwar Milied nisrani, il-Milied ta’ Ġesu Bambin.”
Fl-aħħar għamiltlu ftit domandi diretti:
Xi jfisser Ġesu għalik?
“Il-ħajja tiegħi”
Il-Komunità?
“Il-qalb tal-ħajja”
X’iweġġgħek?
“Dak kollu li jweġġa’ lill-Knisja.”
X’offrietlek il-vokazzjoni tiegħek?
“Ħajja sabiħa bħal kull ħajja oħra. Kultant jidher in-negattiv iżda fiha ħafna pożittiv. Importanti li tkun miftuħ għaliha bħal kull sejħa oħra fil-ħajja. Żgur nerġa’ ntenni li ma jiddispjaċinix li għażiltha.”
Hawnhekk dawwarni dawra mal-kunvent, offrieli jekk ridtx niekol magħhom (fejn il-koka qaltli li hemm biżżejjed għal kulħadd) li għal mistħija rrifjutajt u mort ħadtlu żewġ ritratti fil-ġardin tal-kunvent li hu sabiħ immens imma ħasra li m’hemmx ġardinar li jkun jista’ jsebbħu ħafna aktar.
Sellimtlu filwaqt li ħallejtu f’dak il-post mimli serenità jaħseb kif se jkompli jiġġieled mal-ħajja bil-mod pożittiv tiegħu u bi tbissima fuq fommi tajtu laqam: The Happy Friar.