Din il-ġimgħa l-programm Reporter se jiddiskuti żewġ suġġetti differenti. Fl-ewwel parti t-tema tad-diskussjoni se titratta d-dipressjoni li tista’ twassal għal suwiċidju filwaqt li fit-tieni parti s-suġġett magħżul hu dwar is-sitwazzjoni preżenti f’Gaża.
Il-mistiedna ta’ Saviour Balzan fl-ewwel parti tal-programm se jkunu l-Psikjatra Dr Joe Cassar u l-Psikologa Mariella Dimech.
Din il-ġimgħa smajna bl-aħbar tal-mewt tal-attur ċelebri Robin Williams, attur li kien magħruf u maħbub ma’ dawk midħla tal-films fejn fost oħrajn interpreta diversi rwoli komiċi. L-aħbar li Williams neħħa ħajtu b’idejh ħasdet lil ħafna speċjalment minħabba li l-ammiraturi tiegħu dejjem qisuh bħala bniedem ferrieħi u ċajtier.
Balzan jiddiskuti mal-mistiedna tiegħu x’inhu li jista’ jwassal bniedem, ċelebri jew mhux, biex ineħħi ħajtu b’idejh?
Fit-tieni parti tal-programm, id-diskussjoni se tiffoka fuq is-sitwazzjoni preżenti fil-medda ta’ Gaża fejn bħalissa qed nassistu għal waqfien temporanju mill-ġlied wara ġimgħat ta’ bumbardamenti bejn il-Palestinjani u l-Iżraeljani li ħallew mijiet ta’ nies mejta, inkluż numru ta’ tfal innoċenti.
Balzan jitkellem ma’ Sanaa El Nahhal, attivista Palestinjana li fl-2007 ingħatat rikonoxximent bħala Ambaxxatriċi għall-Paċi mill-Federazzjoni Universali għall-Paċi.
Reporter għandu produzzjoni u preżentazzjoni minn Saviour Balzan mgħejun mill-ġurnalist Frederick Attard.