Din il-ġimgħa l-programm Reporter se jiddiskuti żewġ suġġetti oħra differenti fejn fl-ewwel parti t-tema tad-diskussjoni se titratta r-rwol tal-Knisja f’Malta filwaqt li fit-tieni dwar il-marda tal-ALS li l-għarfien dwarha sar fenomenu madwar id-dinja.
Il-mistiedna ta’ Saviour Balzan fl-ewwel parti tal-programm se jkunu il-Professur Victor Axiaq, Kap tal-Kummissjoni Ambjentali tal-Knisja u Dun Ġorġ Dalli.
Matul l-aħħar ġimgħat smajna u qrajna diversi kummenti dwar it-tmexxija tal-Knisja kif ukoll diskussjoni dwar ir-rwol tal-Knisja fiż-żminijiet li qed ngħixu fihom illum.
Balzan jiddiskuti mal-mistiedna tiegħu x’inhu li qed iwassal għal attendenzi ifqar fil-parteċipazzjoni tal-fidili fil-knejjes? Hemm kriżi fit-tmexxija jew le?
Fit-tieni parti tal-programm, id-diskussjoni se tiffoka fuq il-fenomenu li fi ftit jiem dar mal-erbat irjieħ tad-dinja sabiex titqajjem kuxjenza dwar il-marda ALS. Balzan jitkellem mas-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne li jispjega x’inhi l-marda u kif l-għarfien dwarha ħa spinta permezz tal-mezzi soċjali.
Reporter għandu produzzjoni u preżentazzjoni minn Saviour Balzan mgħejun mill-ġurnalist Frederick Attard.