Il-Junk Mail jitqassam bla limitu
"Jien se nieħu azzjoni u se nibda nitfa’ l-junk mail kollu li nirċievi fil-kaxxi tal-ittri tal-Maltapost."
minn Frederick Attard
Ma jgħaddix jum li ma niftħux il-kaxxa tal-ittri li ma nsibux ruxxmata karti promozzjonali u affarijiet oħra li mhumiex indirizzati direttament għalina. Ħafna huma dawk li saħansitra waħħlu stickers mal-kaxxi tal-ittri tagħhom sabiex ma jintefagħlhom ebda materjal pubbliċitarju iżda dan ma serva għal xejn. Ftit huma dawk li jsibu dan il-materjal utli li matul l-aħħar snin kompla jiżdied bla rażan speċjalment meta tkun ġejja xi kampanja elettorali.
Kmieni din il-ġimgħa l-Ministru Leo Brincat ħabbar li l-pjan nazzjonali dwar l-immaniġġjar tal-iskart li jindirizza l-problema tal-junk mail intlaqgħet b’mod pożittiv minn ħafna setturi speċjalment dawk li għandhom għal qalbhom l-ambjent.
Brincat qal dan meta kien qed jindirizza attività tal-WasteServ Malta dwar l-iskema ‘Iġbor u Irbaħ bil-Fliexken u l-Bozoz’. Hu qal li l-pjan nazzjonali dwar l-immaniġġjar tal-iskart jitkellem ċar dwar il-ħtieġa li tiġi indirizzata l-problema tal-junk mail wara li ssir konsultazzjoni pubblika li tinkludi l-istakeholders kollha, kwistjoni li tħalliet fuq l-ixkaffa għal bosta snin iżda li tolqot tant residenzi direttament.
Il-Ministru spjega li sal-lum ma jeżisti ebda qafas regolatorju għal dan il-għan u li apparti mir-riċiklaġġ tal-iskart huwa dmir ta’ kull Gvern li jikkunsidra miżuri dwar kif saħansitra jista’ jnaqqas l-iskart iġġenerat f’pajjiżna.
“Il-Gvern lest li jisma’ l-partijiet kollha kkonċernati mis-soċjetà ċivili u dawk li għandhom interess ekonomiku fis-settur tal-junk mail fi żmien li se jitħabbar aktar tard. Il-Gvern ta’ qabel kien l-ewwel introduċa miżura fil-baġit 2009 biex jindirizza jew itaffi din il-problema biex wara ftit kien mar on record jammetti formalment li l-proposta tiegħu stess tal-baġit 2009 kienet ġiet saħansitra abbandunata. Għall-kuntrarju dan il-Gvern se jisma’, jiżen il-fehmiet kollha, jippjana u jwettaq bil-galbu” qal Brincat.
Hu żied jgħid li l-Gvern huwa kommess li mhux biss isaħħaħ ir-riċiklaġġ tal-iskart fil-pajjiż iżda wkoll li jnaqqas il-volum tal-iskart iġġenerat ħalli b’hekk l-immaniġġjar tal-iskart ikun qed jiġi indirizzat fl-aktar mod proattiv.
Fid-dawl ta’ din l-istqarrija, din il-gazzetta tkellmet ukoll mad-Deputat Nazzjonalista Charlò Bonnici.
Bonnici qal li l-Partit Nazzjonalista jaqbel li l-kwistjoni tal-junk mail għandha tiġi trattata. Qal li bħala partit politiku “Inħossu li l-użu eċċessiv tal-karta hi problema ambjentali u għaldaqstant trid tinstab sistema effettiva kif jiġi kkontrollat. L-agħar ħaġa li tista’ tiġri hi li l-miżuri li jittieħdu ma jkunux akkumpanjati minn sistema ġusta li tħares l-interess tan-nies filwaqt li tittratta wkoll b’ġustizzja man-negozji li jagħmlu użu minn dan it-tip ta’ reklamar.”
Il-kelliem qal ukoll li jeħtieġ li la darba jiġu stabbiliti l-miżuri li għandhom jittieħdu, issir kampanja informattiva qawwija. “Il-Partit Nazzjonalista se jkun qiegħed isegwi l-proċess imniedi mill-gvern filwaqt li huwa stess se jkun qiegħed ikompli jagħmel l-istħarriġ tiegħu dwar din il-kwistjoni kif qed jagħmel ukoll dwar kwistjonijiet ambjentali oħra fit-tħejjija tal-politika aġġornata tiegħu dwar l-ambjent” temm jgħid Bonnici.
Intant tkellimna wkoll ma’ xi nies dwar il-ħtieġa ta’ politika regolatorja rigward il-junk mail u jekk jagħmlux użu minn dan il-materjal li jasal fi djarhom.
Opinjonijiet ta’ qarrejja li tkellmu ma’ din il-gazzetta
Carmen Rita Cassar
Nista’ ngħid li nirċievu żżejjed minn dan il-materjal. Ħafna minnhom nagħti daqqa t’għajn u nara x’jogħġobni, jinteressani jew li forsi jkun utli għalija. Kultant inżommhom biex nara jekk ikunux iridu jaraw xi ħaġa t-tfal. Mill-bqija mbagħad nispiċċa narmihom. Naħseb li hemm bżonn kontroll fuq dawn l-ittri mija fil-mija! Apparti li r-rivisti u l-karti li nirċievu jispiċċaw jintremew mill-ewwel, dawn jimlew ukoll it-toroq tagħna. Meta jitqassmu ġieli jintefgħu bl-addoċċ fil-parapetti jew fi djar mhux abitati u jispiċċaw itiru u jħammġu t-toroq. Hemm bżonn ukoll kontroll minħabba l-ħela eseġerata ta’ karti.
Katya Vassallo
Jien kważi kollox naqbad u narmi ħlief xi affarijiet tal-groceries li jkollhom xi offerta fuqhom u dwar xi supermarket biex nara forsi jkunx jaqbilli dak iż-żmien partikolari. Rigward kontroll ma naħsibx li hemm għalfejn isir għax jekk inti ma jgħoġbukx il-fuljetti taqbad u tarmi u mhux sew tillimita r-riklami lil ċerti nies. Però, fl-aħħar mill-aħħar, ma naħsibx li hu tajjeb għall-ambjent b’dawk il-karti kollha moħlija!
Claire Azzopardi
Personalment ħafna mill-karti u r-rivisti li nirċievi lanqas biss narahom. Narmihom mill-ewwel. Ħela ta’ flus għax għalija mbarazz. Niddejjaq li nirċevihom u naħseb li għandu jkun hawn kontroll. Naħseb li jekk hemm kumpanija li tixtieq tqassam xi rivisti fid-djar għandha tinforma lin-nies bil-ħsieb tagħha, u tistaqsihom jekk jixtiqux jirċievu aktar informazzjoni fuq il-prodotti/servizzi tagħhom bil-posta. F’kelma waħda nagħtu l-approvazzjoni u l-kunsens tagħna.
Angela Coleiro
Biex inkun onesta, ma niddejjaqx li nirċievi materjal kummerċjali fil-kaxxa tal-ittri tiegħi. Jiena ngħix ħajja mgħaġġla u mimlija ħafna, allura naprezza li nista’ nara xi prodotti hemm fis-suq mill-kumdità ta’ dari. Iżda biex inkun għidt kollox, ħafna drabi jispiċċaw fil-borża tar-riċiklaġġ jew nużahom biex inqaxxar il-ħaxix u l-frott fuqhom. Nieħu qatgħa biss meta tasal xi elezzjoni għax tal-politika jdejquni. Idejquni għax mill-esperjenza tgħallimt li l-wegħdiet u l-kliem sabiħ ikun ħafna, imma fir-realtà, storj’oħra.
Annabel Cutajar
Normalment nieħu gost nara l-ktieb tal-Owners Best. Il-kumplament inqaxxar il-ħaxix fuqhom jew nitfagħhom fil-borża tar-riċiklaġġ. Għalhekk ħafna huma ħela ta’ flus u riżorsi.
Ray Buttigieg
Naħseb hawn ħafna nies li bħali xebgħu jsibu l-kaxxa tal-ittri mimlija junk mail kważi kuljum. U minflok jonqos, dan l-imbierek junk mail jiżdied. Ħmieġ mat-toroq biss qed iġibu. Minn studju riċenti li sar minn aġenzija tar-riċerka, 70% tal-junk mail lanqas biss tiġi miftuħa u tispiċċa mormija mal-ewwel. Jien se nieħu azzjoni u se nibda nitfa’ l-junk mail kollu li nirċievi fil-kaxxi tal-ittri tal-Maltapost. Forsi finalment issir xi ħaġa jekk tagħmlu bħali u tħeġġu nies oħra!