Din il-ġimgħa l-programm Reporter se jiddiskuti l-anzjani. Il-mistiedna ta’ Saviour Balzan se jkunu Justyne Caruana, Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà u Anzjanità Attiva, id-Deputat Nazzjonalista u Kelliem għall-Anzjani Mario Galea u Marvin Formosa, Senior Lecturer fuq Ġerontoloġija fl-Università ta’ Malta.
Il-popolazzjoni tal-anzjani f’pajjiżna u madwar id-dinja qiegħda dejjem tiżdied grazzi għal kura ta’ saħħa aħjar kif ukoll għal ħajja dejjem aktar attiva li qed jgħixu l-anzjani tagħna.
Balzan jiddiskuti fost oħrajn mal-mistiedna tiegħu l-politika strateġika Nazzjonali għal Anzjanità Attiva liema politika hi bbażata fuq pjan sas-sena 2020. Jistaqsi dwar is-sitwazzjoni preżenti fid-djar tal-anzjani tal-gvern u dawk privati u l-istandards jew nuqqas tagħhom f’dawn id-djar.
X’wassal lis-segretarjat biex twaqqaf mekkaniżmu ġdid biex jilqa’ l-ilmenti fuq id-djar tal-anzjani? Kif se jsiru l-verifiki dwar dawn l-ilmenti u jekk ikunux ġustifikati? Kif se jkun żgurat li tinżamm id-dinjità tal-anzjani inkluż dawk li jbatu bid-dimensja? Għad hemm nuqqas ta’ sodod f’dawn il-faċilitajiet?
Reporter għandu produzzjoni u preżentazzjoni minn Saviour Balzan mgħejun mill-ġurnalist Frederick Attard.