L-Arċisqof Pawl Cremona mistenni jirreżenja
Xnigħat tar-riżenja ġrew fost il-membri tal-kleru tard matul il-lejl li għadda
More in Socjali
Xnigħat tar-riżenja ġrew fost il-membri tal-kleru tard matul il-lejl li għadda
Aġġornat: 12:45pm
Minn informazzjoni li waslet għand ILLUM, jidher li x-xnigħat dwar ir-riżenja tal-Arċisqof Pawl Cremona ħarġu tard matul il-lejl għadda tant li ħafna qassisin bdew jirċievu telefonati u messaġġi madwar nofsillejl. Kien hemm min minnhom li ħaseb li kienet xi ċajta filwaqt li oħrajn bdew jikkuntattjaw lil xulxin biex jivverifikaw jekk ix-xniegħa kinitx kredibbli.
Il-gazzetta ILLUM kienet minn tal-bidu li ppublikat stejjer ta’ skuntentizza fost uħud mill-membri tal-kleru b’għidut li min minnhom kien jitkellem kien jispiċċa kkastigat jew saħansitra ttrasferit. Uħud ikkummentaw li meta kienu jitolbu li jkellmu lill-Arċisqof kienu jgħidulhom li l-Arċisqof jinsab indispost minħabba raġunijiet ta’ saħħa għalkemm hu fatt magħruf li Cremona kien verament għaddej minn perjodu fejn kellu bżonn mistrieħ.
Ħafna mill-kritika li waslet għand din il-gazzetta dejjem kienet qed tkun iffukata fuq it-tmexxija tal-Kurja fejn kien hemm min saħansitra ddikjara li hu parti mill-Knisja iżda kuntent li mhuwiex parti mill-Kurja. Kien hemm min ukoll iddikjara ċar u tond li l-Isqof t’Għawdex Mario Grech għandu jkun is-suċċessur ta’ Pawl Cremona meta jasal il-mument tal-bidla.
Intant jidher li r-riżenja ta’ Pawl Cremona ma kinitx xi sorpriża għas-Santa Sede hekk kif il-Vatikan iżomm kuntatt dwar x’ikun għaddej f’kull Djoċesi madwar id-dinja u wara li kien hemm anke xi qassisin Maltin li kitbu lis-Santa Sede biex jinfurmaw lil Papa Franġisku dwar dak li kien għaddej f’Malta.
Fuq bażi personali, fost il-ħafna li kkritikaw it-tmexxija ta’ Cremona, dawn dejjem saħqu li l-Arċisqof bħala persuna hu bniedem ta’ qalb tajba u bniedem spiritwali li jaf jagħder u jħenn għal min hu fil-bżonn u li kritika tagħhom ma kinitx indirizzata lejh bħala persuna iżda bħala r-ragħaj tal-merħla.
Aktar kmieni:
Wara diversi xhur li ilhom għaddejin xnigħat dwar il-possibilta li l-Arċisqof ta' Malta Pawlu Cremona jista' jħalli postu minħabba nuqqas ta' ħiliet fit-tmexxija tal-Knisja, tard ilbieraħ matul il-lejl ġriet aħbar fost il-membri tal-kleru li kienet tgħid li l-Arċisqof Cremona kien informa lis-Santa Sede bir-riżenja tiegħu.
Sorsi li tkellmu mal-ILLUM qalu li din l-aħbar għad trid tkun konfermata uffiċjalment u jekk hu l-każ l-ittra tar-riżenja tkun trid tiġi aċċettata mill-Papa Franġisku. Cremona li ħa l-pussess fl-2007, kien nissel tama fost il-fidili li se jwassal nifs ġdid fi ħdan il-Knisja Maltija iżda hekk kif beda għaddej iż-żmien, ftit li xejn beda jkun innutat tibdil fl-istil ta' tmexxija tiegħu. It-tim li kellu miegħu l-Arċisqof beda jidher li kienu huma l-protagonisti fit-tmexxija tal-Knisja f'Malta, xi ħaġa li ma tantx niżlet tajjeb ma' wħud mill-membri tal-kleru tant li matul l-aħħar ġimgħat ħarġet fl-apert l-iskuntentizza u demoralizzazzjoni fosthom.
Fl-età ta' 68 sena, Cremona jista' jkun l-ewwel Arċisqof Malti li jħalli postu qabel l-età ta' 75 sena.