Nies b'diżabilitajiet, nies li jsofru minn mard mentali, nies li jħossuhom weħidhom u xjuħ iżda huma b'saħħithom, anke tfal kollha jistgħu jfittxu li joqtlu lilhom infushom f'pajjiżi bħal Belġju u l-Olanda.
Charlotte Fitzmaurice Wise ikkonvinċiet qorti superjuri fl-Ingilterra li tinħoloq storja ġdida legali meta din tat id-dritt lill-omm li tittermina l-ħajja ta' bintha Nancy li kellha diżabilità kbira.
Nancy twieldet għamja bil-hydrocephalus, meningitis u speticaemia, ma setgħetx timxi, titkellem, tiekol jew tixrob. Saħħitha tant kienet sejra lura li kellha bżonn kura ta' 24 siegħa u riedet tiġi mitmuha u misqija u anke medikata permezz ta' tubi fl-Isptar ta' Londra Great Ormond.
Aktar ma bdiet tikber bdiet twerżaq bl-uġiegħ kbir li kien qed ikollha għal sigħat sħaħ, anke wara li tingħata morfina u ketamina.
Ommha Charlotte ma felħitx tara lil bintha li issa kellha 12-il sena tbati daqshekk. Skont ommha bintha kien jixirqilha li tkun fil-paċi u kellha dritt li tmut. Ommha kellha tieqaf mix-xogħol tagħha ta' infermiera biex tqatta l-ħin kollu ma' bintha. "Id-dawl minn għajnejha kien intemm u l-ħarsa tagħha kienet mimlija biża' u ħassejt li hi xtaqet tkun fil-paċi. Qed nappellalkom f'isem binti biex tagħtuha l-mistrieħ ta' dejjem" qalet l-omm lill-imħallfin.
L-applikazzjoni tagħha ġiet milqugħa mill-ewwel u b'hekk inħoloq preċedent li għall-ewwel darba tifla li kienet tieħu n-nifs naturali u mhux bil-magni, u li lanqas kienet marida terminali tħalliet li tinqatel fl-Ingilterra.