Mill-1 ta’ Novembru pajjiżna, flimkien ma’ tlettax-il pajjiż ieħor mill-Ewropa daħħal fis-seħħ l-artikli tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, li Malta rratifikat f’Lulju li għadda, u li jitrattaw il-vjolenza kontra n-nisa fosthom dik domestika u sesswali.
F’konferenza tal-aħbarijiet konġunta mal-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Manuel Mallia, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli ddeskriviet dan il-mument bħala wieħed importanti fejn il-Gvern qed jibgħat sinjal ċar li kull tip ta’ vjolenza inkluż dik kontra n-nisa mhux se tkun tollerata. Barra minn hekk, qed jitwassal messaġġ ukoll li se jkun qed jissaħħaħ l-infurzar tal-liġi kontra min iwettaq il-vjolenza.
“Malta pparteċipat b’mod attiv fl-ifformular tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, tant li hi meqjusa bħala fost wieħed mill-aktar pajjiżi li kkontribwew fil-proċess. Pajjiżna kien ukoll mal-ewwel tmienja li rratifikaw din il-konvenzjoni qabel ma daħlet fis-seħħ” qalet Dalli.
Spjegat kif bħala parti mill-implimentazzjoni, il-Gvern Malti diġà għadda liġi li wasslet għall-kriminalizzazzjoni tal-mutilazzjoni ġenitali tan-nisa kif ukoll għaddew liġijiet kontra ż-żwieġ sfurzat u l-isterilizzazzjoni sfurzata.
“Pass ieħor importanti li llum qed nagħmlu b’din il-konvenzjoni hu li issa l-vjolenza kontra n-nisa qed tiġi meqjusa bħala forma ta’ diskriminazzjoni kontra n-nisa,” kompliet il-Ministru Dalli.
Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Manuel Mallia ħabbar li l-Korp tal-Pulizija se jkun qiegħed iħarreġ aktar lill-Pulizija biex jgħinu lill-vittmi tal-vjolenza domestika u jinvestigaw dawn il-każijet, filwaqt li se jkompli l-investiment fl-għases tal-Pulizija biex vittmi ta’ vjolenza domestika jkunu jistgħu jinstemgħu f’ambjent privat.
“Permezz tal-Akkademja tal-Pulizija, se jkun qed jissaħħaħ it-taħriġ neċessarju dwar kif l-uffiċjali fil-korp għandhom jaġixxu f’każijiet ta’ vjolenza domestika u kull forma oħra ta’ vjolenza fuq in-nisa” qal il-Ministru Mallia.