''L-istudenti bniet u subien għandhom il-potenzjal u l-opportunitajiet f'pajjiżna, għalhekk jeħtieġ li jkompli jsir investiment ħalli l-ġenerazzjoni ta' warajna tkun aktar litterata biex verament jitnaqqas il-faqar u l-esklużjoni soċjali.'' Qalet dan il-President ta' Nisa Laburisti Claudette Abela Baldacchino meta flimkien maċ-Chair għall-Edukazzjoni fi ħdan NL Rosianne Cutajar żaru l-Festival Nazzjonali tal-Ktieb li qed jittella' f'Dar il-Mediterran għall-Konferenzi.
Waqt dan il-Festival, id-delegazzjoni ta' NL - Nisa Laburisti kellha laqgħa wkoll maċ-Chairman tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Mark Camilleri u Patrick Decelis Chairman tas-Sotto Kumitat għall-Festival tal-Ktieb. Abela Baldacchino qalet li madwar il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea wieħed minn kull ħames żgħażagħ ta' ħmistax -il sena flimkien ma kwazi 75 miljun adult m'għandhomx il-ħiliet bażiċi biex jaqraw u jiktbu. Dan jagħmilha aktar diffiċli biex isibu xogħol u b'hekk ikompli jikber ir-riskju tal-faqar u eskluzjoni soċjali. Din hija problema li jaffaċċjaw il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, inkluz Malta. ''Huwa għalhekk importanti li jkompli jsir l-investiment fl-Edukazzjoni bħal ma qed isir mill-gvern f'dan is-settur'' qalet Abela Baldacchino.
Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb li qed jara mal-5 (ħamest'elef) elef student u studenta mill-iskejjel kollha f'pajjiżna kemm governattivi u privati jżuruh huwa prova ċara tal-interess mill-istudenti f'pajjiżna. ''Madanakollu ma nistgħux ninsew lil dawk l-istudenti li minkejja kull opportunita' xorta waħda jaqgħu ‘ il barra mis-sistema edukattiva'' qalet Abela Baldacchino. Żiedet tgħid ukoll li hemm bżonn ta' aktar 'role models' għall-istudenti subien li madwar il-pajjiżi Ewropej huwa stmat li jaqraw ferm anqas mill-bniet. Dan fl-istess ħin li ma nistgħux ninsew kif madwar id-dinja mal-514 (ħames mija u erbatax) – il miljun mara u tifla huma illitterati u ħafna minnhom m'għandhomx aċċess effettiv għall-programmi edukattivi.