Il-Bumunqar aħmar ikompli jinfetta l-palm

Il-ħanfusa ilha li daħlet f’pajjiżna sa mill-2007

Il-ħanfusa Bumunqar aħmar
Il-ħanfusa Bumunqar aħmar

Jekk wieħed jiddeċiedi li jmur passiġġata fil-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali, għandu jinnota għadd mhux żgħir ta’ siġar tal-Palm infettat bil-ħanfusa tal-Bumunqar Aħmar tal-Palm.

Wieħed jista jara li hemm għadd mhux żgħir, għaliex barra dawn li jidhru fir-ritratt, hemm xi wħud li diġa’ bil-weraq tal-palm niexfa u s-siġra tidher mejta għal kollox, u hemm oħrajn li jidher fiċ-ċert li sa jgħaddu mill-istess destin għax diġa’ bdew jidhru sinjali li ġew attakkati minn din il-ħanfusa.  B’kollox hemm mat-tmien siġar żgur li jridu jinqalgħu llum qabel għada, u jekk se tibqa’ tirrenja l-indifferenza se nispiċċaw li f’dan il-park ma’ tibqax siġar waħda tal-palm!

Min hu nkarigat minn dan il-post ma ħax id-deċiżjoni mmedjata li jinqalgħu dawn is-siġar infettati hekk kif dehru l-ewwel sinjali li huma ġew attakkati minn din il-ħanfusa qerrieda. Li kieku sar hekk forsi ma kienux jiġu attakkati aktar siġar tal-palm speċjalment, dawk li jkunu viċin siġra nfettata.

Din il-ħanfusa ilha li daħlet f’pajjiżna sa mill-2007, jiġifieri seba’ snin ilu u s’issa, wara dawn is-snin kollha, għadha ma nstabitx soluzzjoni effettiva kif tiġi kkontrollata din il-ħanfusa tant qerrieda.

Din il-gazzetta tappella biex jinqalgħu mill-aktar fiss possibbli dawn is-siġar morda ħalli l-ħsara ma tkomplix tinfirex mal-Park kollu u b’jekk forsi jiġu salvati dawk is-siġar tal-palm li s’issa għadhom ma messithomx l-istess xorti.

Intant, mitlub jikkumenta fuq il-problema tal-bumunqar aħmar, is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja u Sajd u Drittijiet għall-Annimali, l-Onor. Roderick Galdes qal li l-kontroll u monitoraġġ tal-Bumunqar l-aћmar tal-Palm qed isir mid-Direttorat gћas Saћћa tal Pjanti, skond il-Pjan ta’ Azzjoni 2014.
 
“Id-direttorat qiegћed jagћmel l-isforzi kollha meћtieġa biex isir kontroll u jingћata tagћrif fuq il-Bumunqar l-aћmar. Il-miżuri jinkludu spezzjonijiet fuq siġar tal-palm, qtugћ ta’ palm infettat, monitoraġġ ta’ nases bil-‘pheromones’ li gew imqegћda f’diversi nћawi f’Malta u Ghawdex, kif ukoll linji gwida fuq kif għandu jsir bexx preventiv kif ukoll kurattiv fost oħrajn” qal Galdes.
 
Hu kompla jgħid li l-problema tal-Bumunqar l-Aħmar tinsab kważi f’kull pajjiż tal-Mediterran. “Malta tikkollabora bis-sħiħ ma’ dawn il-pajjiżi l-oħra għal riċerka fuq miżuri effetti ta’ kontroll, li jiġu implimentati minn żmien għal żmien”.
 
Galdes temm jgħid li biex jingћata tagћrif dwar il-bumunqar l-aћmar, id-direttorat ilu gћaddej b’kampanja ta’ nformazzjoni gћal diversi snin permezz ta’ laqgћat li jsiru ghall-pubbliku, programmi fuq ir-radju, stqarrijiet, fuljetti nformattivi kif ukoll informazzjoni fuq is-sit tad-direttorat planthealth.gov.mt

 

More in Socjali