Id-Dijabete: qattiel sieket

Fl-Ewropa biss hemm 52 miljun persuna li qed tgħix b’din il-kundizzjoni

Wieħed minn kull tliet persuni li għandhom id-dijabete fl-Ewropa, ma jafux li qed ibatu minn din il-kundizzjoni
Wieħed minn kull tliet persuni li għandhom id-dijabete fl-Ewropa, ma jafux li qed ibatu minn din il-kundizzjoni

Fil-jum dinji ddedikat għall-kuxjenza kontra d-dijabete, ġie mniedi dokument għal konsultazzjoni pubblika dwar l-ewwel Strateġija Nazzjonali fuq id-Dijabete mis-Segretarju Parlamentari Chris Fearne. Din il-kundizzjoni taffetwa 8.5% tal-popolazzjoni adulta Ewropea u mistennija tkompli tiżdied fis-snin li ġejjin, meta mqabbla mal-10% tal-popolazzjoni Maltija. Fl-istess waqt li tnidiet din il-konsultazzjoni pubblika, ġie ppubblikat rapport Ewropew mill-Federazzjoni Internazzjonali dwar id-Dijabete (IDF) dwar is-sitwazzjoni tad-dijabete fl-Ewropa u l-politika li għandha tiġi addottata dwar dan. 

Wieħed minn kull tliet persuni li għandhom id-dijabete fl-Ewropa, ma jafux li qed ibatu minn din il-kundizzjoni u dan iwassal biex dawn in-nies ikollhom xi kumplikazzjoni oħra sakemm jiġu ddijanjostikati. Il-piż ta’ din il-marda qed jinħass ukoll b’mod finanzjarju, dan meta fl-Ewropa biss hemm 52 miljun persuna li qed tgħix b’din il-kundizzjoni. Ir-rapport maħruġ mill-IDF Europe jgħid kif f’temp ta’ 20 sena, wieħed minn kull għaxar adulti fl-Ewropa se jkollu d-dijabete jekk ma jsir xejn u dan se jwassal għal piżijiet finanzjarji akbar fuq il-pajjiżi Ewropej flimkien ma’ piżijiet fuq l-isptarijiet u l-entitajiet tas-saħħa. Għaldaqstant, jeħtieġ iktar riżorsi u edukazzjoni sabiex tiġi kkumbattuta din il-marda.

L-istrateġija mnedija għandha l-iskop li l-kura tad-dijabete tinfirex biex ma tibqax biss offruta fl-Isptar imma wkoll fil-komunità u dan flimkien ma’ servizz ta’ helpline u introduzzjoni ta’ xi mediċini ġodda u diversi sistemi ta’ kura differenti.

Punt li saħquh kemm fir-rapport kif ukoll waqt it-tnedija kien li għalkemm aħna pajjiż Mediterranju, ma tantx naddottaw l-istil ta’ tisjir Mediterranju li fih innifsu huwa ta’ benefiċċju għas-saħħa. Li kieku jsir dan, ir-rata ta’ dijabete tista’ tonqos sa b’anke 20%.

Dr. Fearne sostna li “żewġ terzi mill-każi tad-dijabete tat-tieni tip jistgħu jiġu evitati jekk jinbidel l-istil ta’ ħajja għal wieħed aktar b’saħħtu.”

F’kummenti ta’ Anna Zammit McKeon li hi l-President tal-Għaqda Maltija kontra d-Dijabete (MDA), tkellmet dwar kif din l-għaqda kienet parti minn dan il-proċess ta’ konsultazzjoni għal din l-istrateġija nazzjonali kontra d-dijabete flimkien ma’ diversi partijiet oħra. Min-naħa tal-għaqda, meta kienu parteċipi f’focus groups fi ħdan il-Kumitat ta’ Tmexxija, ffukaw l-aktar fuq il-bżonnijiet tal-pazjent u tal-familja tiegħu. L-MDA kienet ukoll attiva bħala osservatur fil-laqgħat tal-Grupp Parlamentari dwar id-dijabete.

“Min-naħa tal-għaqda, se nħarsu lejn ir-rapport u nagħtu s-suġġerimenti u l-opinjonijiet tagħna dwar dan sabiex ikunu fiċ-ċert li l-oqsma kollha assoċjati mal-immaniġġjar tad-dijabete qed ikunu mħarsa,” kompliet Zammit McKeon. Temmet il-kummenti tagħha bit-tama li bil-programmi ta’ prevenzjoni u l-implimetazzjoni tal-istrateġija nazzjonali, id-dijabete tkun tista’ tiġi kkontrollata b’mod aktar effettiv.

More in Socjali