Xalata ta’ kotba
"Għalkemm ma wasalniex, mexjin" - Immanuel Mifsud
More in Socjali
"Għalkemm ma wasalniex, mexjin" - Immanuel Mifsud
Bejn it-12 u s-16 ta’ Novembru f’Dar il-Mediterran għall-konferenzi fil-Belt Valletta, qed isir il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb fejn din is-sena ra bidla fl-isem hekk kif minn fiera, dan sar festival. Immanuel Mifsud, li kien qed jippreżenta l-aħħar ktieb tiegħu, ‘Jutta Heim’ waqt dan il-festival, ikkummenta dwar il-fatt li l-fiera issa saret festival hija xi ħaġa pożittiva ferm fejn jiddeskrivieha bħala mossa għaqlija għaliex għalkemm għad fadal ħafna xi jsir f’dan il-qasam, dan huwa tqarrib aktar lejn il-mudell ta’ festivals dwar il-kotba li huma internazzjonali. F’dawn il-festivals, l-ispirtu mhux wieħed li jinbiegħu l-kotba biss imma li jkun hemm il-pubbliku li jiltaqa’ mal-awturi, jkun hemm dibattiti bejn l-awturi stess. “Għalkemm għad ma wasalniex, mexjin,” temm jgħid Mifsud. Issemma wkoll is-suq ta’ dawn il-kotba u l-opportunitajiet internazzjonali li deher li qed jitjieb, bil-parteċipazzjoni ta’ xi pubblikaturi internazzjonali fil-festival.
Meta mistoqsija dwar l-attendenza tal-pubbliku għal din is-sena, speċjalment meta mqabbla ma’ dik ta’ snin preċedenti, il-pubblikaturi kienu fil-maġġoranza tagħhom kuntenti bl-attendenza sa issa għalkemm qed jittamaw għal żieda fl-attendenza fl-aħħar siegħat tal-festival; bejn is-Sibt u l-Ħadd. Minkejja dan, xorta waħda kien hemm xi pubblikaturi li esprimew li dejjem hemm fejn wieħed jagħmel analiżi biex jara kif jista’ jkompli jżid din l-attendenza. L-ewwel tliet ġranet ta’ dan il-festival, partikolarment il-ħinijiet ta’ filgħodu, l-attendenza kienet fil-maġġor parti tagħha studenti tal-iskejjel primarji u sekondarji waqt li mistenni li l-attendenza tkun ikkaratterizzata minn familji u adulti fil-bqija tat-tmiem il-ġimgħa. Iċ-Ċermen tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Mark Camilleri ukoll qal li meta mqabbla ma’ snin preċedenti, l-attendenza kienet aktar pożittiva.
Il-pubblikaturi li kienu preżenti għal dan il-festival, kollha kellhom kliem ta’ tifħir għall-inizzjattiva tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb li għall-ewwel darba introduċew il-vawċers lill-istudenti. Dawn l-istudenti tal-iskejjel primarji u sekondarji ġew mogħtija vawċer kull wieħed ta’ €2 li setgħu jintefqu mingħand il-bosta pubblikaturi eżebiti f’dan il-festival. Mark Camilleri sostna li dan sar sabiex jiġi żgurat li l-istudenti joħorġu mill-festival bi ktieb magħhom. Dan wara li kemm-il darba kien il-każ li l-istudenti jintbagħtu għall-fiera mingħajr flus u b’hekk ma jkunux jistgħu jixtru l-kotba. Camilleri kompla jgħid li dan jgħin lit-tfal fl-esperjenza tagħhom meta jfittxu għall-kotba ġo ħanut tal-kotba jew librerija li hi esperjenza li forsi mhix popolari daqshekk mat-tfal.
Meta mistoqsija, l-pubblikaturi semmew ukoll li l-organizzazzjoni u l-promozzjoni min-naħa tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb kienet waħda pożittiva. Xi kummenti li ssemmew min-naħa tal-pubblikaturi dwar affarijiet li jistgħu jitjiebu fil-futur biex finalment jgħinu fiż-żieda fl-attendenza, kienu t-trasport. Dan minħabba l-fatt li l-parkeġġ il-Belt Valletta huwa problema, speċjalment f’ħinijiet partikolari. Għal din ir-raġuni, xi pubblikaturi pproponew li jkun hemm xi tip ta’ serviss ta’ trasport li jwassal lill-pubbliku, minn u lejn żoni ta’ parkeġġ, speċifiku matul dan il-festival. Meta mistoqsi dwar dan, iċ-ċermen tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Mark Camilleri qal li bħala Kunsill, kien hemm kuntatt ma’ Transport Malta kemm-il darb dwar dan, biss però, r-rispons qatt ma kien wieħed pożittiv.