11-il każ ta’ cyber bullying fl-2013

Ħafna ġenituri ma jafux jużaw il-kompjuter daqs uliedhom

Id-Dipartiment għas-Servizzi tal-Istudent fi ħdan id-dipartiment tal-edukazzjoni qed jipprovdi servizz  ta’ kontra l-ibbuljar u jindirizza dan il-fenomenu billi jipprovdi laqgħat kemm mal-istudenti kif ukoll mal-ġenituri fejn dawn jiġu mitluba u fejn ikun hemm bżonn. Waqt dawn il-laqgħat, jiġu diskussi fatturi differenti dwar kif wieħed għandu jżomm lilu nnifsu aġġornat.

Dan ħareġ minn tweġiba parlamentari li ta l-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo b’risposta għal mistoqsija parlamentari magħmula minn Clyde Puli fejn talab lill-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudju dwar realtajiet li qed jiffaċċjaw it-tfal, fosthom cyber bullying.

Il-Ministru Bartolo saħaq dwar l-importanza tal-bżonn tal-użu responsabbli tal-mezzi soċjali, miżuri ta’ privatezza li għandhom jiġu rispettati, u li jiġu spjegati wkoll l-implikazzjonijiet legali. “L-istudenti jiġu mgħallma kif jafu jirranġaw il-privatezza tagħhom fuq il-mezzi soċjali bħal Facebook u Askfm. Fil-każ ta’ fastidju tiġi emfasizzata l-importanza li l-istudent iżomm u jipprintja l-evidenza kollha minflok iħassar materjal u kummenti offensivi.  L-istudenti jiġu mħeġġa biex jitkellmu minnufih u jevitaw li jaqgħu fit-tentazzjoni li jirrispondu lura għax b’hekk isiru ħatja huma wkoll” qal Bartolo. Qal ukoll li waqt il-laqgħat għal ġenituri sfortunatament ħafna drabi jirriżulta li l-ġenituri jkunu jafu jużaw il-kompjuter inqas mit-tfal tagħhom. 

“Għaldaqstant, nemfasizzaw l-importanza tar-responsabbiltà u l-obbligu legali li huma mistennija jħarsu. Issir referenza għall-programmi preventivi li jsiru fuq bażi nazzjonali mill-programm Be Smart Online fi ħdan l-MCA. Tiġi spjegata wkoll il-ħidma bejn is-servizz tagħna u s-Cybercrime Unit tal-pulizija. Meta jiġi referut każ, l-appoġġ jingħata kemm lill-vittma kif ukoll ngħinu lill-aggressur jifhem is-serjetà tal-imġiba tiegħu” temm jgħid il-Ministru.

More in Socjali