25 anniversarju mill-iffirmar tal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda għad-drittijiet tat-tfal

Il-proġett taċ-Children’s Hub jimmira għal żvilupp ta’ spazji fil-ġonna ta’ San Anton

Il-proġett taċ-Children’s Hub jimmira għal żvilupp ta’ spazji fil-ġonna ta’ San Anton b’attivjitajiet għat-tfal
Il-proġett taċ-Children’s Hub jimmira għal żvilupp ta’ spazji fil-ġonna ta’ San Anton b’attivjitajiet għat-tfal

Waqt attività fil-Palazz ta’ San Anton, fil-preżenza ta’ għadd kbir ta’ tfal, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca fakkret il-ħamsa u għoxrin anniversarju mill-iffirmar tal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda għad-drittijiet tat-tfal. 
 
Il-President ħabbret li dalwaqt se jibda proċess ta’ konsultazzjoni wiesa’ mat-tfal , mal-ġenituri u dawk kollha li għandhom għal qalbhom l-interessi tat-tfal, biex iċ-Children’s Hub ikun żviluppat mit-tfal.  Il-proġett taċ-Children’s Hub jimmira għal żvilupp ta’ spazji fil-ġonna ta’ San Anton b’attivjitajiet għat-tfal li jgħinuhom fl-iżvilupp soċjali tagħhom.  Il-President ħabbret li se ssir stedina lill-għaqdiet u dawk kollha li għandhom għal qalbhom l-interessi tat-tfal biex flimkien mal-Fondazzjoni tal-President għall-ġid tas-soċjetà jiġi żviluppat dan il-proġett taċ-Children’s Hub.
 
Il-President ta’ Malta saħqet fuq il-bżonn li d-drittijiet tat-tfal kollha jissaħħu.  Spjegat kif ħamsa u għoxrin sena ilu kienet ġrajja importanti meta maġġoranza ta’ pajjiżi minn madwar id-dinja qablu u iffirmaw ftehim bejniethom biex iħarsu d-drittijiet tat-tfal u jassiguraw l-ġid tat-tfal fiċ-ċentru tas-soċjetajiet.
 
Fakkret li d-drittijiet idumu biex jinkisbu, u li jekk ma nibqgħux naħdmu għalihom dawn jintilfu.  Ħeġġet lit-tfal biex jieħdu ħsieb id-drittijiet u ma jiddejqux jitkellmu, filwaqt li appellat lill-kbar bid-dmir li jisimgħu u jwettqu l-aspirazzjonijiet tat-tfal.  Il-President spjegat l-importanza tad-djalogu bejn il-ġenituri u t-tfal, u li l-familji jsibu ħin jiddjalogaw bejniethom. 
 
Il-President fakkret fl-importanza tad-drittijiet tat-tfal, iżda wkoll li wieħed jirrispetta d-drittijiet tal-ġenituri u ta’ persuni anzjani bħal ma huma n-nanniet, għaliex b’dan il-mod inkunu membri li qegħdin nikkontribwixxu għall-ġid tas-soċjetà. 
 
Temmet id-diskors tagħha billi spjegat r-raġuni għalfejn twaqqfet il-Fondazzjoni għall-Ġid tas-Soċjetà, biex verament jiktakkar il-ġid tas-soċjetà, u flimkien jinħoloq djalogu ma’ tant entitajiet u organizazzjonijiet f’pajjiżna. Il-Fondazzjoni tal-President għall-ġid tas-Soċjetà diġà wettqet djalogu mat-tfal fosthom dawk b’diżabilità, mal-Youth.inc, u mat-tfal ta’ Ċentru Tbexbix. 
 
 

More in Socjali