Il-Papa Franġisku se jżur il-Parlament Ewropew

Nhar it-Tlieta se  jindirizza lill-MEPs waqt is-sessjoni plenarja fi Strasburgu

Papa Frangisku
Papa Frangisku

Nhar it-Tlieta 25 ta’ Novembru, il-Papa Franġisku se jżur uffiċjalment il-Parlament Ewropew. 

Il-Papa ġie mistieden mill-President Schulz, f’isem il-Parlament Ewropew, meta dan tal-aħħar kien żar il-Vatikan fil-11 ta’ Ottubru 2013. L-aħħar darba li Papa żar il-Parlament fi Strasbourg kien 26 sena ilu meta Ġwanni Pawlu II indirizza l-Parlament fil-11 ta’ Ottubru 1988, sena biss qabel il-waqgħa tal-ħajt ta’ Berlin.

"Ninsabu onorati u kburin ħafna li se nilqgħu lill-Papa Franġisku fil-Parlament Ewropew. Permezz tad-diskors tiegħu huwa se jkollu l-opportunità li jindirizza lil miljuni ta’ ċittadini rappreżentati mill-Membri tal-Parlament,” qal il-President Schulz qabel iż-żjara.

"Ninsab ħerqan li nisma’ l-opinjoni tiegħu fuq kwistjonijiet li huma ta’ importanza għalina lkoll, bħall-kriżi ekonomika, il-ġlieda kontra l-faqar, il-politika dwar l-immigrazzjoni, u għadd ta’ temi oħrajn li s-soluzzjoni għalihom tirrikjedi Unjoni Ewropea aktar b’saħħitha u dinamika", żied jgħid.

Il-Papa mistenni jasal il-Parlament Ewropew fi Strasbourg għall-ħabta tal-10:30. Huwa jintlaqa’ mill-President Schulz b’ċerimonja ta’ merħba fejn jindaqqu ż-żewġ innijiet u jittellgħu l-bnadar rispettivi. Wara ċ-ċerimonja, il-President Schulz jintroduċi ’l Papa lill-membri tal-Bureau u tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Parlament Ewropew. Fil-11:15, il-Papa Franġisku jagħmel id-diskors tiegħu lill-Membri tal-Parlament. Wara ż-żjara fil-Parlament, il-Papa se jżur ukoll il-Kunsill tal-Ewropa.

More in Socjali