Il-Fondazzjoni Valletta 2018 flimkien mal-Kunsill Lokali tal-Belt u G7 Events taw l-aħħar dettalji tal-programm taċ-ċelebrazzjonijiet nazzjonali għall-Ewwel tas-Sena fil-Belt Valletta.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fuq il-palk prinċipali fi Pjazza San Ġorġ dalgħodu, iċ-Ċermen tal- Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef qal: “L-ispettaklu u l-esperjenza li se tkun qed toffri l-Belt Valletta hija l-attrazzjoni li tiġbed eluf ta’ nies għal dawn l-attivitajiet nazzjonali. Dan jirifletti limpenn tal-Fondazzjoni u s-sinerġija li hemm għaddejja bi preparazzjoni lejn l-2018”.
Fuq il-palk prinċipali kollox jinsab lest għaċ-ċelebrazzjonijiet kbar fejn uħud mill-aqwa artisti Maltin inkluż Red Electrick u l-Versatile Brass kif ukoll DJs Pierre Cordina u Clint Bajada, ser joħolqu divertiment għall-folla. Il-countdown għall-Ewwel tas-Sena se jsir flimkien mal-aħħar spettaklu tad3D Architectural Mapping Projection imtella’ mill-istudeni tal-MCAST, flimkien mal-murtali.
Fi Pjazza Teatru Rjal, DANUSAN se jtellgħu kummiedja filwaqt li se jkun hemm żona għat-tfal fi Pjazza de Valette.
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici tenna kif il-Belt Valletta mhix biss ċentru ta’ attività ekonomika u soċjali imma post ta’ attività kulturali fejn wieħed jista jiġi mal-ħbieb u mal-familja fil-festi u partikolarment lejliet l-Ewwel tas-Sena. Huwa semma li r-ristoranti kollha fil-Belt huma fully booked xi haġa li tawgura tajjeb ħafna.
Waqt iċ-ċelebrażjonijiet ta’ għada filgħaxija pajjiżna se jkun qiegħed jingħaqad ma’ bosta bliet oħra fid-dinja biex jilqa’ is-sena l-ġdida.