Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Ugwaljanza (NCPE) għadha kemm ressqet proposta lill-Gvern biex f’pajjiżna, l-irġiel jibda jkollhom l-għażla li jieħdu kunjom il-mara meta jiżżewġu.
Sa issa f’pajjiżna, meta koppja tiżżewweġ, il-mara għandha tliet għażliet, jew li tieħu kunjom ir-raġel, kif jagħmlu l-maġġoranza, jew li żżid kunjom ir-raġel ma’ tagħha, jew li tibqa’ b’kunjomha ta’ xebba. Dan il-ġurnal tkellem mal-Ministru Helena Dalli dwar din il-proposta fejn qalet li s-sitwazzjoni preżenti tiddiskrimina lill-irġiel. “Bħalissa l-mara għandha tliet għażliet fuq x’tagħmel b’kunjomha meta tiżżewweġ, iżda l-irġiel m’għandhom l-ebda għażla. Dan hu stat ta’ fatt li din hija diskriminazzjoni” qalet Dalli. Dalli saħqet li qabel konna naħsbu li d-diskriminazzjoni ssir biss fuq il-mara, “imma issa qed nintebhu li f’dan il-każ ir-raġel hu diskriminat ukoll.”
F’kumment li tat lill-ġurnal, Renee Laiviera, il-Kummissarju tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza, qalet li koppji avviċinaw lil NCPE jilmentaw li waqt li mara għandha għażliet fejn tidħol l-għażla tal-kunjom meta tiżżewweġ, ir-raġel m’għandux. “Għaldaqstant qed nagħmlu din il-proposta biex it-tnejn ikunu jistgħu jagħmlu l-għażla tagħhom.”
L-ILLUM tkellmet direttament ukoll ma’ Peppi Azzopardi, il-preżentatur ta’ Xarabank fejn qal li dan jaqbel mija fil-mija ma’ din il-proposta hekk kif hu xtaq jieħu kunjom martu, u ma tħalliex. Peppi qal li dan kien eżempju ta’ diskriminazzjoni fuq l-irġiel fejn “jien staqsejt biex nara nistax nieħu kunjom marti, għax isbaħ, iżda qaluli li ma nistax. Dak iż-żmien marti kellha l-għażla jekk tiħux kunjomi jew le, li infatti spiċċat ma ħaditux, imma jien ma kelli l-ebda għażla.”
Il-proposta tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Ugwaljanza tissuġġerixxi li r-raġel ikollu l-għażla li jadotta kunjom il-mara. Skont il-proposta, wara li tkun ittieħdet id-deċiżjoni, il-koppja għandha tiddikjara x’se jkun il-kunjom tal-familja u tat-tfal.
Din il-proposta tirrimarka li mhux qed tħares biss l-aspett ta’ ugwaljanza imma anke lejn dak kulturali. Dan għaliex maż-żmien qed jintilfu bosta kunjomijiet minħabba li ma jkunx hemm ulied maskili biex ikunu jistgħu jgħaddu l-kunjom.
Dan mhuwiex xi fenomenu ġdid, hekk kif pajjiżi oħra fl-istess kontinent diġà għandhom dawn il-liġijiet. Fil-Ġermanja, fl-1994, ġie deċiż li l-koppja tista’ tagħżel mill-kunjom tal-mara jew tar-raġel biex ikun il-kunjom tal-familja ġdida tagħhom la darba jiżżewġu. Fil-Greċja, mill-1983, għaddiet liġi li l-mara għandha żżomm kunjomha għal kumplament ta’ ħajjitha.
Fl-Italja, kulħadd iżomm kunjomu, imma mbagħad il-mara għandha l-għażla li jekk trid tista’ żżid kunjom żewġha wara isimha jew le.