Kwiet assolut fuq il-ħatra ta’ Arċisqof ġdid

Xahrejn mir-riżenja ta’ Pawl Cremona...

Għaddew xahrejn mir-riżenja ta’ Pawl Cremona bħala Arċisqof ta’ Malta u bħalissa hemm skiet assolut fuq min jista’ jkun is-suċċessur tiegħu.

L-avvenimenti politiċi li seħħew fil-pajjiż matul l-aħħar xahrejn ħadu l-attenzjoni kollha dovuta u b’hekk naqqsu l-ħsibijiet minn fuq il-post vakanti fil-Knisja Maltija.

Is-skiet minn naħa tal-kurja kif ukoll il-kawtela kbira li hemm preżentament bejn l-Isqof Awżiljarju Charles Scicluna u l-Isqof t’Għawdex Mario Grech juri li t-tnejn li huma qed jaspiraw għall-post ta’ Cremona.

Iżda kuntrarjament għal dak li jiġri fix-xena politika, fejn kull politiku jagħmel kampanja promozzjonali personali biex in-nies jivvutawlu, fil-Knisja aktar ma wieħed jipproponi lilu nnifsu aktar jiġi eskluż.

Sorsi fi ħdan il-Knisja li tkellmu ma’ din il-gazzetta qalu li kienet x’kienet ir-raġuni tar-riżenja ta’ Pawl Cremona, issa hemm bżonn ta’ mexxej li jkun kapaċi jieħu t-tmun tal-Knisja f’idejh bi ħsieb ġenwin u denju u li jgħaqqad u jibni relazzjoni bejn il-Knisja u dawk li jemmnu f’Alla.

Saħqu li hemm bżonn mexxej li jagħraf ir-realtà tas-soċjetà li qed ngħixu fiha u li jkun kapaċi jkun sostenitur tat-twemmin ta’ Papa Franġisku. “Il-Papa li qed jgħix u jifhem in-nies fit-triq u li qed iżomm ’il bogħod mit-tlellix li kien jgħix fih il-predeċessur tiegħu.”

Qalu wkoll li min jintgħażel għandu jkollu miegħu tim amministrattiv fis-segretarjat kompletament ġdid.

Il-proċess li għandu jwassal għall-ħatra ta’ arċisqof ġdid jinvolvi li n-Nunzju Appostoliku jressaq tliet ismijiet ta’ kontendituri xierqa għall-post vakanti lill-Papa Franġisku. Iżda għalkemm il-Papa jkollu dawn l-ismijiet quddiemu bħala referenza, l-għażla aħħarija hija f’idejh u mhux eskluż li l-Papa jista’ jagħżel persuna li ma jkunx wieħed mit-trina li jkun ressaqlu n-Nunzju Appostoliku.

Preżentament it-tmexxija amministrattiva tal-Knisja qiegħda f’idejn l-Isqof Charles Scicluna. Hu ngħata din ir-responsabbiltà  sakemm jitħabbar is-suċċessur ta’ Pawl Cremona. Iżda għalkemm Scicluna qed jimla l-vojt temporanjament, inħass sew f’dawn iż-żminijiet ta’ festi n-nuqqas ta’ ragħaj tal-Knisja Maltija.

Hekk kif tħabbret ir-riżenja tal-Arċiqof Pawl Cremona f’Ottubru li għadda, bdew jissemmew l-ismijiet ta’ min jista’ jkun is-suċċessur tiegħu. Apparti ż-żewġ ismijiet prominenti tal-Isqfijiet Scicluna u Grech, issemmew ukoll l-ismijiet ta’ Fr Jimmy Bonnici li hu r-rettur tas-seminarju u kif ukoll issemma Fr Fabio Attard, saċerdot Salesjan Għawdxi li ġie ordnat saċerdot 27 sena ilu.

Sorsi li tkellmu ma’ din il-gazzetta qalu li l-Kurja hi mmexxija minn numru mdaqqas ta’ qassisin li ilhom iżommu posthom għal numru ta’ snin u li anke Pawl Cremona falla meta ma rnexxilux ibiddilhom.

Saħqu li jekk dawn il-qassisin verament iħobbu l-Knisja, dawn għandhom jissottomettu r-riżenja tagħhom lill-Arċisqof il-ġdid u li jkun sta għalih jekk jaċċettax ir-riżenja tagħhom jew le.

 

 

More in Socjali