L-irġiel Maltin għandhom jappoġġjaw lin-nisa f'dan il-każ

Wara li ngħalaq il-każ, intbagħtet komunikat lill-istampa dwar dan il-każ

Ched Evans
Ched Evans

Il-Konfederazzjoni Maltija għall-Organizzazzjonijiet tan-Nisa (MCWO) f'konsultazzjoni mal-Women's Study Group bagħtet stqarrija lill-istampa fejn qalet li huma jsibuha problematika l-idea ta' kuntratt offrut lill-plejer tal-futbol li ġie akkużat bi stupru. Dan intqal wara li s-Sibt li għadda qamet kontroversja sħiħa hekk kif l-eks plejer ta' Sheffield United, Ched Evans, ġie offrut kuntratt mill-klabb Malti, Hibernians.

Lura fl-2011, Evans ġie mixli b'każ ta' stupru fuq tfajla ta' 19-il sena f'lukanda.

L-MCWO qed tgħid li dan kien se jagħti impressjoni ħażina fuq il-klabb Malti li kien se jidħol miegħu, u anke fuq il-futbol Malti inġenerali.

F'din l-istqarrija ngħad li "In-nisa f'Malta għandhom jistennew appoġġ u solidarjetà mill-irġiel Maltin u ma jappoġġjawx irġiel li wettqu vjolenza kontra n-nisa, kemm fuq livell istituzzjonali u anke fuq dak individwali. Id-deċiżjoni li toffri kuntratt għall-plejer, li kien akkużat bi stupru, ixxejjen din il-fiduċja fl-irġiel Maltin."

Fl-istqarrija ntqal, "Jekk il-futbol jagħti kull tip ta' karta ħamra jew safra, għala m'għandux jagħti karta ħamra fuq stupru?"

Lorraine Spiteri, iċ-Chairperson tal-MCWO qalet "Aħna nħeġġu l-klabbs tal-futbol biex jiddisassoċjaw ruħhom minn dawn it-tip ta' reati u jagħżlu biss plejers li jaħdmu b'għaqal, mhux biss fil-grawnd imma anke fil-ħajja privata tagħhom."

"Ir-reat ta' Evans hu wieħed serju. Ma wera l-ebda simpatija mal-vittma. Aħna naqblu mal-integrazzjoni ta' kriminali wara li jħallsu għal dak li għamlu, imma f'dan il-każ, li nagħtu lil Evans eżatt dak li kellu, jista' jikkawża ħafna ħsara. Hemm ħafna modi oħra għalih kif jista' jaqla' l-għixien tiegħu mingħajr ma jikkawża iktar ħsara fuq is-soċjetà.

Din il-konfederazzjoni hi organizzazzjoni li tirrappreżenta 12-il organizzazzjoni lokali li flimkien ikopru 24,000 mara msieħba f'dawn l-organizzazzjonijiet. L-MCWO hu membru sħiħ fil-European Women's Lobby fi Brussell.

More in Socjali