Ir-rivista Which?, rivista rinomatissima li tagħti pariri lill-konsumaturi, ikklassifikat lill-Air Malta fis-6 post fost il-linji tal-ajru fuq distanza qasira li jtiru mir-Renju Unit. Ir-riżultat ta’ dan l-istħarriġ annwali jikkonferma li l-Air Malta hija waħda mill-aqwa linji tal-ajru biex il-konsumatur joħroġ sodisfatt.
L-Air Malta kisbet punteġġ totali ta’ 71% fost il-konsumaturi billi ġabet marki għoljin fil-kategoriji tal-puntwalità, l-ikel u x-xorb u l-ambjent tal-kabina. Dan il-punteġġ wera kif l-Air Malta hija s-sitt linja tal-ajru favorita fost il-passiġġiera, tant li għelbet kompetizzjoni minn linji tal-ajru bil-bosta ikbar li jinkludu kemm operaturi tradizzjonali kif ukoll oħrajn low-cost.
L-istħarriġ sar fost 11,000 abbonat ta’ Which? li ntalbu jikklassifikaw 16-il linja tal-ajru fuq distanza twila u 20 fuq distanza qasira għas-sodisfazzjoni tagħhom bħala konsumaturi, inklużi d-distanza bejn siġġu u ieħor, il-puntwalità, it-tlugħ abbord, il-kumdità tas-sits, l-ikel u x-xorb, l-ambjent tul it-titjira, l-ambjent tal-kabina, is-servizz għall-konsumatur u l-valur għall-flus.