Kontroversja fuq il-bziezen tal-Air Malta
Kif jaħsibha l-poplu Malti?
minn Frederick Attard
Waqt li d-dinja għaddejja minn burraxka fejn it-theddid Iżlamiku li qed jhedded l-espressjoni tal-ħsieb, f’pajjiżna d-diskussjonijiet ma jonqsu qatt u fuq kull suġġett inkluż fuq il-bziezen tal-Air Malta.
Id-deċiżjoni tal-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta li twaqqaf l-ikel li kien jingħata lill-passiġġieri bħala parti mis-servizz fuq it-titjira u tissostitwixxih b’bezzun u flixkun ilma, ġabet reazzjonijiet diversi minn ħafna nies li bħalissa qed jieħdu r-ritratti tal-bziezen servuti u jtellgħuhom fuq is-siti soċjali.
Anke l-politiċi qalu tagħhom meta waqt il-program Reporter fuq TVM ta’ din il-ġimgħa l-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis qal li din hija miżura bżonjuza għall-Air Malta u miegħu qablu l-kelliem Nazzjonalista Robert Arrigo, Michael Zammit Tabona u Tony Zahra li huma intraprendituti fis-settur.
Kien għalhekk li din il-gazzetta ġabret numru ta’ kummenti mingħand in-nies f’vox populi fejn ħareġ ċar li għalkemm hemm min jaqbel mad-deċiżjoni meħuda, speċjalment fid-dawl biex tiġi ssalvagwardjata l-linja nazzjonali, oħrajn komplew jopponu u jikkritikaw lill-Air Malta għal dan it-tibdil.
Staqsejna lin-nies x’jaħsbu dwar il-fatt li mill-1 ta’ Jannar l-Air Malta qed iservi biss bezzun u flixkun ilma b’xejn biex tiffranka €4 miljuni fis-sena.
Dawn kienu l-kummenti miġbura.
Bjorn Azzopardi
Naħseb b'din id-deċiżjoni l-Air Malta trid tiddeċiedi x'tip ta' identità ta' linja tal-ajru se tkun, għaliex bir-raġun kollu jekk la nqata’ l-ikel sħun minn fuq it-titjiriet bħalma ilhom jagħmlu linji tal-ajru low cost, il-passiġġieri jippretendu prezzijiet irħas bħal ta' linja low cost u li sa issa ma jidhirx li hu l-każ. B'hekk naħseb li l-Air Malta tista’ ssib ruħha f'sitwazzjoni aktar żvantaġġjata f'għajn il-passiggier meta jiġi biex jiddeċiedi b'liema linja tal-ajru se jivvjaġġja.
Ma naqbilx. Naħseb li għal prezz li nħallsu ħaqqna xi ħaġa aħjar hux.
Tanya Costa
Personalment lili ma taffetwanix għax l-ikel tal-ajruplani ma jogħġobnix u nippreferi nixtri xi ħaġa sura mill-ajruport. Li rrid inżid però hu li fuq linji oħra li huma orħos issib ikel li jiswa €5 fuq titjira li ma tiswiex iktar minn €200 bir-ritorn u bagalji inklużi u għalhekk nistaqsi jekk l-Air Malta hux se traħħas il-prezzijiet. Titjira mal-Air Malta spiss tiswielek mat-€350
Ma naqbilx fuq din id-deċiżjoni għaliex din il-kumpanija tal-ajru hija magħrufa għas-servizzi tagħha, dan huwa wieħed mis-servizzi li tħallas għalih meta tibbukja titjira tal-ajru mal-Air Malta. Din il-kumpanija għandha taffaċċja l-kompetizzjoni li għandha minn kumpaniji oħra. Jekk tnaqqas dan is-servizz se titlef il-klijenti. Faċilment wieħed jagħżel titjira ma' kumpanija oħra li toffri prezz irħas. Biex tnaqqas l-ispejjeż hemm affarijiet oħra li tista’ tagħmel.
Għadni ġej minn safra u nista’ ngħidlek li tal-mistħija! Aħjar naqqsu mill-uniformijiet u mill-branding milli mill-ikel.
Jien u ntir minn post għall-ieħor ma tagħmillix differenza jservunix bezzun jew ikla sħuna. Għalijja l-prezz u l-ħin huma fattur kruċjali ma’ min nibbukkja. Nemmen li l-istaff tal-kabina qed ikunu influwenzati mill-unjins flok ma jħarsu lejn il-futur tal-kumpanija.
George Scerri Sacco
Ma naqbilx mal-għażla tal-ikel wara li tħallas daqshekk flus għal titjira! Nemmen li għandek tiġi trattat ferm aħjar jew li almenu l-bezzun ikun ta’ kwalità mhux ħobż xott li jeħillek ma’ griżmejk!
Russell Sammut
Aħjar ma jtuni xejn u jagħtuni l-opportunità li nixtri oġġett ta’ kwalità u bnin. Għalija l-ikel mhuwiex il-fattur ewlieni li jġegħelni nagħżel kumpanija tal-ajru minn oħra. Mill-banda l-oħra nagħti ħafna importanza l-prezz, id-destinazzjonijiet u l-ajruport fejn se ntir.
Matthew Sammut
Jiena naqbel li l-Air Malta għandha tnaqqas ċertu spejjeż biex ovvjament terġa’ tiġi stabbli però aħjar ma jservu xejn għax qegħdin jaqgħu għaċ-ċajt. Ovvjament għandhom jitranġaw il-prezzijiet tal-biljetti. Min irid jiekol jista’ jew jixtri qabel jew minn fuq l-ajruplan stess.
Mark Muscat
Il-klijent għandu jkun jaf x’se jieħu għal dak li jkun qed iħallas. Għalhekk għandu jiġi mgħarraf b’din id-deċiżjoni. Jien personali ma tagħmillix differenza kbira bħala ikel fuq l-ajruplan sakemm it-titjira ma tkunx aktar minn erba’ sigħat. Bħala Malti naqbel li l-Air Malta tieħu deċiżjonijiet biex tibqa’ vijabbli għaż-żminijiet tal-lum.
Jo Zerafa
Biex jiffrankaw il-flus u jissalvagwardjaw l-impjiegi naqbel imma nemmen li jistgħu jipprovdu xi ħaġa ferm aħjar għall-istess prezz. Madankollu ma narax il-bżonn ta’ ikel fuq titjira qasira imma nissuġerixxi xi ħaġa lokali għat-turisti bħal galletti, biskuttini jew imqaret.
Malcolm Seychell
Ma naqbilx għax l-Air Malta mhux linja tal-ajru low cost. L-ispejjeż iridu jonqsu mill-ħaddiema żejda li hemm u li għadhom qed ikunu ingaġġati sal-ġurnata tal-lum.
Monica Calleja
Le ma naqbilx għax fil-verità titjira mal-Airmalta mhi rħisa xejn. Flus biss iridu.
Matthew Calleja
Nemmen li l-Air Malta għandha bżonn sistema ta’ ristrutturar biex terġa’ tiġi fuq saqajha però finalment naħseb li meta wieħed jikkunsidra l-prezzijiet tal-biljetti tal-ajru li huma pjuttost elevati, ma naħsibx li kienet deċizjoni tajba għaliex il-livell b'din il-miżura se jinżel u barra minn hekk meta wieħed jikkunsidra li Malta qiegħda timmira li l-kwalità tat-turisti li jiġu Malta titjieb. Deċiżjoni pjuttost mgħaġġla fil-fehma tiegħi.
Marvin Cutajar
L-ikel li kien ikun servut qabel ma kien ikun xejn specjali u fuq xi titjiriet ġieli ġejt servut sandwich biss ukoll. Jekk bl-€4 miljun fis-sena li se tiffranka l-Air Malta se jirriżulta fi prezzijiet irħas, inħoss li ħa mmorru aħjar u l-Air Malta se tkun iktar kompettitiva mal-linji tal-ajru low cost. Jekk jaqbdek aptit xi ħaġa xorta se jkun hemm is-servizz tal-ikel bi ħlas. Fuq il-prezzijiet tal-ikel għadni ma smajt xejn u nispera li ma japprofittawx ruħhom u jkunu esaġerati.
Charles Azzopardi
Li tiffranka hu tajjeb imma din id-deċizjoni hija ħażina għax l-Air Malta, li hi linja nazzjonali tagħna, spiċċat qisha linja tal-ajru lowcost.
Ruth Johnston
Ma naqbel xejn għax l-Air Malta mhijiex low cost però naf li xorta tagħhom tgħaddi, bħal dejjem. Filwaqt li jnaqqsu minn fuq il-passiġġier jiggwadanjaw dawk li jmexxu.
Sonya Sammut
Ma tagħmillix daqshekk differenza jekk dan se jagħmel ġid finanzjarju, kif nemmen li se jsir. Però, minn dak li rajt u smajt s’issa dawn il-bziezen mhumiex ta’ kwalità. Nemmen ukoll li m’hemmx għalfejn ikun hemm xi għażla vasta għax wara kollox dan hu bis