Pensjonanti mitlufin f’salib it-toroq
żewġ pensjonanti jirrakuntaw kif inhi ħajjithom illum
minn Frederick Attard
Matul l-istaġun tal-festi tal-Milied li għadu kemm għadda, smajna ħafna dwar il-ħtieġa li l-anzjani tagħna nibqgħu niftakru fihom u li naċċertaw li jingħataw id-dinjità kollha li jixirqilhom. Kliem sabiħ u ġest nobbli li l-anzjani tagħna jibqgħu jgħixu ħajja attiva iżda fil-verità, il-ħajja tal-pensjonanti llum il-ġurnata qed tippermettilhom li jkollhom livell ta’ ħajja kif xieraq.
Din il-gazzetta tkellmet ma’ Albert J. Tabone u Carmel Mallia, żewġ pensjonanti li staqsejnihom kif inhi l-ħajja għalihom illum.
“Bħalissa ninsabu f’salib it-toroq għax filwaqt li l-għaqdiet tal-pensjonanti jafu fejn sejrin jew fejn iridu jmorru, ħaddieħor għadu mhux deċiż u s’issa tħallejna fid-dlam. Dwar il-pensjonijiet ma tisma’ xejn, la mid-deputati fil-parlament, la mill-mezzi tax-xandir, la mill-junjins – baħħ u kwiet perfett fuq suġġett importanti ferm għalina, għax wara kollox kulħadd irid jixjieħ u biex jgħix kważi kulħadd irid pensjoni.”
Mistoqsija x’qed jitolbu t-tnejn ikkummentaw “Infakkru fit-talbiet li għamlu l-pensjonanti: Pensjoni Minima Nazzjonali Garantita; L-Ogħla Dħul Pensjonabbli; ir-reviżjoni ta’ pensjoni kull sena buq bażi ta’ indiċjar; u trattament ġust ma’ min huwa intitolat għall-pensjoni ta’ servizz. Fuq dawn ma nstema’ xejn fil-baġit tal-2015.”
Fakkarnihom dwar iż-żieda ta’ 58 ċenteżmu fil-ġimgħa u l-pagament ta’ darba ta’ €35. Hawnhekk Tabone u Mallia qalu li din iż-żieda kienet ċajta għax żgur ż-żieda mogħtija mhijiex biżżejjed biex pensjonant jgħix ħajja adegwata u ta’ ċerta kwalità. “Anzi nħolqu ċirkostanzi biex il-prezzijiet tal-oġġetti u servizzi jogħlew ferm aktar minn dak li ngħata. U eluf ta’ pensjonanti qegħdin ibatu dejjem iżjed! U eluf dejjem qed joqorbu aktar lejn ir-riskju ta’ faqar.”
Tlabniehom jikkummentaw x’jaħsbu dwar il-fatt li llum aktar nisa qed joħorġu jaħdmu. “Il-mara fil-post tax-xogħol hi importanti daqs raġel u għalhekk għandha tgawdi l-istess drittijiet li għandu r-raġel fejn għandhom x’jaqsmu l-pensjonijiet. Bħalissa, skont figuri tal-Eurostat, 22.4% tan-nisa Maltin jaqilgħu paga baxxa. Fejn jidħlu l-irġiel din il-figura hi ta’ 15.6%. Dawn figuri juru li meta dawn in-nies jirtiraw, se jkollhom rata ta’ pensjoni baxxa u jew jaqgħu fil-faqar jew ikunu f’riskju ta’ faqar fl-aktar żminijiet vulnerabbli ta’ ħajjithom.”
Tabone u Mallia komplew li skont l-NSO Labour Survey, il-medja ta’ salarju għoli hi ta’ €18,740 għal mara u €26,855 għal raġel filwaqt li l-medja ta’ salarju baxx turi li raġel jaqla’ €4,714 aktar minn mara. “Il-mara trid tiffaċċja problemi oħra fejn jidħlu l-pensjonijiet fejn f’każ ta’ koppja miżżewġa, l-pensjoni hija tar-raġel u l-mara tista’ tieħu parti mill-pensjoni jew bi ftehim ma’ żewġha jew billi tieħu passi bil-Qorti. Ħafna drabi mara titlaq mix-xogħol biex tieħu ħsieb il-familja u dan ikollu effett fuq ir-rata ta’ pensjoni li tirċievi meta tirtira.”
Hawnhekk tlabniehom jikkumentaw dwar il-proposti ta’ salarji ogħla għal membri parlamentari. “Din hi xhieda oħra ta’ kemm huma maqtugħin mir-realtà burokrata b’salarji għoljin li ma jafux xi tfisser tqum filgħodu u ma tafx jekk hux se jkollok ikla sħuna fuq il-mejda, jew kamra msaħħna fejn tista’ ssib kenn mill-kesħa tad-dar.”
Saħqu li għal dawn il-proposti hemm bżonn ta’ ħames miljun ewro. “Tajjeb li nfakkru li l-pensjoni tal-membri parlamentari rtirati, jew ir-romol tagħhom, ukoll tiżdied. Pereżempju, jekk is-salarju ta’ Prim Ministru jsir €95,000, il-pensjoni ta’ Prim Ministru rtirat taqbeż ’l fuq minn €63,000 u tibqa’ tiżdied kull meta jsir ċaqlieq fis-salarji tal-ministri u membri parlamentari.”
Qalu li hija ħaġa tal-iskantament kif dawn l-istess nies qatt ma sabu ħin f’dawn l-aħħar 36 sena biex issir ġustizzja ma’ dawk li għandhom pensjoni tas-servizz tal-post mit-Teżor jew sorsi oħra. “Il-pensjoni ta’ din il-kategorija ta’ pensjonanti, kuntrarju għal dik tal-membri parlamentari, qatt ma tiżdied. Hemm każi fejn min irtira għoxrin sena ilu u kellu pensjoni ta’ 200 lira fix-xahar għadu biha sal-lum. Din hi l-kwalità ta’ ġustizzja soċjali li nipprattikaw f’pajjiżna. Waqt li nagħmlu ġbir ta’ fondi għal kulħadd, il-pensjonanti huma tribù minsija.”
Mistoqsija dwar kemm hi reali l-problema tal-faqar f’pajjiżna fost il-pensjonanti, Tabone u Mallia qalu li skont l-istatistika tal-Unjoni Ewropea, dwar dħul u kundizzjonijiet ta’ għajxien, Malta għandha waħda mill-ogħla rati ta’ anzjani f’riskju ta’ faqar u ta’ esklużjoni soċjali. “Waqt li l-medja fl-UE hi ta’ 26.5%, f’Malta 34 persuna f’kull mija jinsabu f’riskju ta’ faqar. Altru milli aħna l-aqwa fl-Ewropa!”
Mitluba jikkummentaw dwar il-Pension Working Group, iż-żewġ pensjonanti qalu li l-għaqdiet tal-pensjonanti ilhom snin jagħmlu proposti u jiktbu rapporti sabiex is-sistema pensjonistika tkun kemm sostenibbli kif ukoll adegwata. “Fil-fehma tagħna saru miżuri iebsa biex il-pensjonijiet ikunu sostenibbli. Iżda l-problema ta’ adekwatezza qatt ma ġiet indirizzata. Dan ifisser li eluf ta’ pensjonanti huma jew foqra jew fir-riskju ta’ faqar. Ifisser ukoll li eluf ta’ nies li fis-snin ta’ ħidma kienu jgawdu livell ta’ ħajja ta’ ċertu kwalità qed jaraw din il-kwalità dejjem titmermer.”
Saħqu li filwaqt li fil-baġit ittieħdu miżuri biex jindirizzaw il-problema tal-faqar fost it-tfal, ommijiet mhux miżżewġa, persuni b’diżabilità u oħrajn, il-faqar fost l-anzjani ntesa għal kollox. “B’dispjaċir kbir nistqarru li l-pensjonanti ma ngħatawx l-istess trattament bħal ma ngħataw il-faxex tas-soċjetà msemmija. Aħna dejjem skartati. Wasal iż-żmien li min jiggverna jaġixxi b’determinazzjoni biex l-anzjani Maltin u Għawdxin ma jibqgħux fir-raba’ diviżjoni tal-anzjani Ewropej.”