L-età ta’ kunsens ta’ 16
L-ILLUM talab il-kummenti ta’ erba’ membri parlamentari
minn Frederick Attard
Ftit tal-jiem ilu l-Whip tal-Partit Laburista, it-Tabib Godfrey Farrugia tkellem dwar il-ħtieġa li l-età ta’ kunsens għandha tinżel minn 18-il sena għal 16 biex b’hekk Malta tkun konformi ma’ pajjiżi oħra membri tal-Unjoni Ewropea u biex ukoll tirrifletti l-evolviment tas-soċjetà. Qal ukoll li l-gvern, bħal ma għamel fil-każ tal-Unjoni Ċivili u każijiet oħra, għandu jagħti prijorità fuq din il-kwistjoni biex b’hekk isolvi din il-ġerħa soċjali.
L-ILLUM talab il-kummenti ta’ erba’ membri parlamentari fejn staqsejniehom jekk jaqblux mas-suġġeriment tat-Tabib Godfrey Farrugia u x’inhuma l-kummenti tagħhom f’dan ir-rigward.
Helena Dalli - Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili
F'dan il-kuntest irridu nħarsu wkoll lejn liġijiet ta’ pajjiżi oħra, fejn filwaqt li fil-parti l-kbira l-età tal-kunsens hija ta’ 16-il sena, hemm eċċezzjonijiet għal meta ma tapplikax. Pereżempju fil-liġi Brittanika u dik Kanadiża, għal sitwazzjoniiet fejn jista’ jkun hemm sfruttament - bħal prostituzzjoni u pornografija u/jew fejn hemm relazzjonijiet ta’ dipendenzi bħal carers, għalliema, tobba, dawk kollha li qegħdin f’pożizzjoni ta’ fiduċja mal-adolexxenti - l-età għandha tibqa’ ta’ 18-il sena. Minkejja li dawn il-pajjiżi għandhom l-età tal-kunsens ta’ 16-il sena, xorta żammew limitu ta’ 18-il sena f’ċerta każijiet sabiex tkun aċċertata protezzjoni tal-persuni li qegħdin f’pożizzjoni vulnerabbli jew sottomessi.
Ir-realtà hi li hemm żgħażagħ ta’ 16-il sena li huma attivi sesswalment u l-liġi għandha tirrifletti dan. Minna nnifisha, riforma f’din id-direzzjoni tista’ sservi wkoll bħala opportunità sabiex jiżdied l-għarfien fuq is-sess protett u responsabbli.
Clyde Puli - Kelliem għad-Drittijiet taċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Djalogu Soċjali, id-Drittijiet tal-Konsumatur, id-Drittijiet tal-Internet, il-Komunikazzjoni u l-Politika Awdjoviżiva
Huwa preżunt li adult għandu l-maturità meħtieġa biex jagħraf id-drittijiet u d-dmirijiet tiegħu. Fejn tidħol l-età tal-kunsens id-domanda prinċipali għandha tkun fejn se nistabilixxu l-linja ta’ maturità tal-individwu.
llum skont il-liġi Maltija tista’ tiżżewweġ ta’ 16. Tivvota fil-kunsill lokali ta’ 16 iżda ma tistax tivvota fl-elezzjoni ġenerali u f’referendum. Illum tista’ tixrob ta’ 17 u hemm moviment biex l-età titla’ għal 18. L-età tal-kunsens hija ta’ 18. Tista’ ssuq vettura ta’ 18. Iġġorr arma ta’ 18. Tista’ tilgħab il-flus f’casino ta’ 25 sena.
M’hemmx dubju li jeħtieġ li l-anomalija bejn l-età taż-żwieġ u l-età tal-kunsens tiġi solvuta, iżda bl-istess mod u fl-istess waqt għandha tiġi stabbilita l-linja ta’ maturità li tagħti lill-individwu d-drittijiet li jixraqlu filwaqt li tirresponsabilizzah kif jixraq.
Michael Farrugia - Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali
Hija realtà li taħt it-tmintax-il sena, numru ta’ żgħażagħ qed ikunu attivi sesswalment. Ta’ 16-il sena skont il-liġi tista’ tiżżewweġ u għalhekk wieħed jifhem li l-età ta’ sittax tista’ tiġi kkunsidrata bħala età li wieħed jista’ jagħti l-kunsens. Madankollu huwa għaqli li jkun hemm edukazzjoni sesswali intensiva ħalli wieħed ikun qed jilqa’ għal tnaqqis tat-tqala mhux mixtieqa u iktar u iktar għal mard li jiġi trasmess sesswalment.
Robert Cutajar - Kelliem għall-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal, l-Anzjani u l-Persuni b’Diżabbiltà
Bħala Oppożizzjoni, kif ġara f'ċirkustanzi oħra tul din il-leġislatura, nibqgħu disposti li niddiskutu mal-Gvern kull tip ta' proposta. Is-suġġett li tqajjem mill-Whip tal-Gvern l-Onor. Godfrey Farrugia mhuwiex eċċezzjoni għal dan. Hekk kif din il-proposta ssir waħda uffiċjali minn naħa tal-Gvern, l-Oppożizzjoni tkun tista' tressaq il-ħsibijiet tagħha wara li tkun ġiet diskussa fil-Grupp Parlamentari u b'hekk kull deputat jingħata kull opportunità li jesprimi l-ħsibijiet tiegħu fuq is-suġġett.