Mwaqqfa Pjattaforma Nazzjonali kontra l-kanċer

Jingħaqdu flimkien 11-il għaqda mhux governattiva

Il-President waqt it-tnedija
Il-President waqt it-tnedija

Dalgħodu, l-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca nediet pjattaforma nazzjonali kontra l-kanċer flimkien ma’ 11-il għaqda mhux governattiva li jaħdmu mill-qrib ma’ pazjenti morda bil-kanċer.

Fit-tnedija li saret fil-Palazz tal-President fil-Belt Valletta, l-NGOs tkellmu dwar il-ħidma tagħhom mal-pazjenti u x’inhuma l-għanijiet tagħhom sabiex jgħinu lil dawk morda bil-kanċer u l-għeżież tagħhom.

Coleiro Preca esprimiet li din kienet xewqa tagħha li tgħaqqad dawn l-assoċjazzjonijiet sabiex flimkien, ikunu aktar effettivi kontra l-marda qerrieda tal-kanċer.

Tkellmet ukoll dwar it-tbatija li jgħaddu minnha mhux biss il-pazjenti, imma wkoll il-familjari tagħhom. “Naħsbu biss fit-tbatija fiżika li jgħaddu minnha imma fil-verità, il-konsegwenzi huma ħafna iktar minn hekk,” kompliet tgħid Coleiro Preca.

Minkejja li l-għan ta’ din il-pjattaforma huwa li jingħaqdu flimkien dawn l-għaqdiet li jahdmu ma’ pazjenti morda bil-kanċer, l-għanijiet tagħhom bħala għaqdiet individwali jibqgħu l-istess.

Coleiro Preca tkellmet ukoll dwar l-ammonti ta’ nies li jiġu affetwati bil-kanċer li jlaħħqu l-1,800 persuna fis-sena. Dan ifisser li dan huwa l-ammont ta’ familji li jsofru minħabba din il-marda.

 

Din il-pjattaforma se tkun qed tniedi helpline, li se jkun immexxi mill-Malta Community Chest Fund u taħdem fuq it-tagħlim lill-familji. Ġie mħejji wkoll ktieb b’informazzjoni dwar is-servizzi offruti mill-NGOs diversi, immirat għall-pazjenti u l-familjari tiegħu. Intweriet ukoll ix-xewqa li jinħoloq kalendarju bl-avvenimenti kollha relatati mal-kanċer biex ikun hemm kordinament f’dan ir-rigward.

L-għaqdiet mhux governattivi li qed jingħaqdu f’din il-pjattaforma huma Action for Breast Cancer, Aurora Support, Europa Donna, Hospice, Fondazzjoni Karl Vella, Lumiere Support, Malta Community Chest Fund, Malta Health network, Malta Cancer Awareness, The Ostomy Club u Puttinu.

More in Socjali