Mistennija deċiżjoni mill-MEPA dwar ċentru kummerċjali ġdid fil-Mosta. Iċ-ċentru kummerċjali huwa pjanat li jkun mifrux fuq żewġ sulari u fuq daqs ta’ 8,700 metri kwadri. Dan għandu jsir minflok il-fabbrika tal-konkrit li tinsab fil-limiti tal-Mosta, qrib l-MCAST.
Dan l-iżvilupp huwa propost minn Fort Blocks li jagħmlu parti minn Gatt Brothers Limited. Minħabba ż-żona proposta għall-iżvilupp, il-kummerċ fil-Mosta mistenni jkompli jifrex lejn iż-żoni fil-limiti tal-Mosta. Dan wara li l-MEPA approvat supermarket mifrux fuq 3,000 metru kwadru fil-post fejn tinsab il-fabbrika Francesco Fenech viċin Hal Mann.
Dan l-iżvilupp propost li mistenni jieħu post il-kumpless industrijali ta’ Fort Blocks, għandu jinkludi supermarket, ċentru tas-sbuħija, ċentru għall-ħarsien tat-tfal, ċentru ta’ fitness intern u ieħor estern u żona għat-tfal barra, flimkien ma’ parkeġġ taħt l-art għal 124 karozza.
L_iżviluppaturi, meta ġew mistoqsija dwar il-lokazzjoni tal-post u għalfejn huwa daqstant ’il bogħod miċ-ċentru tal-lokal, sostnew li hekk ikun ideali għall-klijenti li jkunu ġejjin min-naħa ta’ San Pawl il-Baħar u dawk min-naħa tar-Rabat u l-Imġarr, u b’hekk, ma jkollhomx għalfejn jgħaddu miċ-ċentru tal-Mosta u joħolqu aktar traffiku u konġestjoni.
Il-MEPA mistennija tieħu deċiżjoni dwar dan l-iżvilupp fis-26 ta’ Frar.