Il-Monti: lil hinn mill-Belt
Il-Monti f’Malta għandu tradizzjoni ta’ snin twal. Lil hinn mill-kontroversja tal-barkarelli tal-Belt Valletta u l-post fejn se jibda jintrama l-monti, x’popolarità għad għandu l-bejgħ fuq il-monti max-xerrejja Maltin?
minn Veronica Lynn Mizzi
Il-monti f’Malta għandu skeda fissa ta’ fejn jarma f’lokalitajiet differenti kuljum biex il-bejjiegħa jkunu jistgħu jilħqu l-akbar ammont ta’ xerrejja. Minbarra l-monti tas-soltu, li jarma b’kull tip ta’ oġġett, minn ħwejjeġ ta’ taħt sa għasel ta’ Malta, hemm ukoll dawk li jarmaw b’affarijiet aktar speċjalizzati, bħal frott u ħaxix jew ħut. Is-suq tal-bdiewa li hu magħruf ukoll bħala l-‘Farmers’ Market’, jbigħ speċifikament prodotti ta’ frott u ħaxix li f’ħafna mid-drabi jinbigħu mill-bdiewa stess u b’hekk il-klijent ikun ċert li dak li qed jixtri huwa prodott lokali ġenwin. Dan is-suq jarma kemm f’Ta’ Qali, darbtejn f’Ġimgħa kif ukoll darba l-Birgu. Monti speċjalizzat ieħor huwa dak tal-Ħadd f’Marsaxlokk li minbarra diversi prodotti tipikament Maltin, immirati b’mod partikolari għat-turisti, jkun hemm għażla ta’ ħut għall-bejgħ fir-raħal tas-sajjieda, fejn f’ħafna mill-każi, l-prodotti jkunu qed jinxtraw dirett mingħand is-sajjied.
Waqt żjara fuq il-monti ta’ Birkirkara, deher biċ-ċar li dan il-metodu ta’ xiri għadu popolari ferm fost il-Maltin, b’ammonti ma jaqtgħux ta’ nies iduru minn bejn bejjiegħ għall-ieħor. Però bejn il-fatt li l-ħin li fih jarma l-monti u l-lokalitajiet, jattira l-aktar nies li f’dawk il-ħinijiet ma jkollhomx impenji ta’ xogħol fiss jew li joqogħdu f’lokalitajiet viċin. Għalkemm il-bejjiegħa jvarjaw ferm fl-għażla ta’ prodotti li jbigħu, deher li l-maġġoranza tagħhom, ibiegħu ħwejjeġ u aċċessorji oħra bħal żraben u basktijiet. In-nies xorta waħda jirrikorru bil-kbir għand bejjiegħa bi prodotti tal-ikel, bħal ħobż frisk, ħut u ħaxix fost l-oħrajn. Il-maġġoranza tax-xerrejja kienu nisa ta’ ’l fuq minn 40 sena.
Staqsejna li wħud mix-xerrejja waqt il-monti jekk din id-dawra hiex xi ħaġa li jagħmluha ta’ spiss u għalfejn jiddeċiedu li jixtru minn hemm, kif ukoll xi jkunu l-affarijiet li l-aktar ifittxu biex jixtru mill-monti.
Meta ġiet mistoqsija dwar l-importanza u r-relevanza tal-monti li jintrema fid-diversi żoni ta’ Malta, illum il-ġurnata, Carmen Borg, Senior Executive fi ħdan il-GRTU, tkellmet dwar l-irwol importanti li għandhom. Dan għaliex jiġbed lejh ammonti ta’ nies lejn il-lokalitajiet differenti. Minkejja dan, bħala GRTU, issostni li dawn il-bejjiegħa għandhom joperaw taħt sett ta’ linji gwida, biex tiġi assigurata l-ordni u r-rispett lejn il-liġi u l-lokalità li jkunu qed joperaw fiha. Tissemma wkoll xi possibbiltà ta’ xi kumitat li jkun jista’ jgħaqqad il-partijiet kollha interessati biex jitlaqqgħu b’mod regolari u b’hekk jiġi aġevolat il-koordinament bejn il-partijiet involuti. Borg tkellmet ukoll dwar kif il-GRTU temmen li l-laqgħat kontinwi bejn il-Gvern, Kunsilli Lokali u entitajiet oħra relatati, għandhom jgħinu sabiex tkun tista’ tinżamm ordni assoluta.
Minbarra l-introjtu finanzjarju li jkun hemm permezz tax-xiri dirett mill-bejjiegħa tal-monti, dan iservi ta’ benefiċċju għad-diversi ħwienet li jkunu fl-akkwati bħal ristoranti, kafetteriji u bars li jiġġeneralhom il-bejgħ. Fl-istess waqt, il-monti jista’ jkun li jkun qed joħloq kompetizzjoni diretta ma’ ċertu ħwienet li wkoll ikunu jinsabu f’dik iż-żona, minħabba n-natura tal-operat tagħhom, ikunu jistgħu jbigħu bi prezzijiet orħos. Dan jasal għaliex il-livell ta’ spejjeż tal-bejjiegħa tal-monti huwa ferm inqas minn dak li jkollu ħanut. Irid iħallas id-dawl u l-ilma, pagi tal-ħaddiema, liċenzji u konformitajiet oħra neċessarji li japplikaw skont il-ħanut u t-tip ta’ negozju li jkun. Għaldaqstant, Borg sostniet kemm huwa importanti li r-regoli jiġu segwiti u l-liġijiet kollha neċessarji jkunu rrispettati sabiex tiġi garantita kompetizzjoni ġusta.
Minbarra l-monti li jbiddel il-lokalità kuljum, hemm dawk li jinsabu f’lokalitajiet turistiċi, bħal dawk f’Marsaxlokk u l-Belt Valletta. Minħabba li x-xerrejja mmirati huma differenti, il-prodotti jkunu wkoll differenti fejn ikun hemm aktar prodotti tipiċi lokali bħal oġġetti artiġġjanali, bizzilla u tifkiriet għat-turisti fost l-oħrajn. Jispeċjalizzaw ukoll f’ikel tradizzjonalment Malti bħalma huwa l-qubbajd u prodotti tipiċi oħra.
Paula Bugeja – 37 sena – Pet Groomer
Ma tantx ikolli ċans nitla’ sal-monti minħabba li nkun xogħol imma nieħu gost nitla’ meta nsib iċ-ċans. L-aktar li nfittex, huma l-ħwejjeġ u ż-żraben. Nemmen li l-affarijiet fuq il-monti jkunu ferm irħas u mhux l-ewwel darba li nkun xtrajt xi ħaġa minn ħanut, imbagħad wara nara l-istess oġġett eżatt bħalu fuq il-monti u jkun ferm irħas.
Claudia Pisani – 41 sena – Mara tad-Dar
Kull ġimgħa, nara li nipprova nitla’ l-monti biex nara x’ikun hemm, speċjalment għax noqgħod hawn stess. L-affarijiet għall-bejgħ dejjem ikunu ta’ kwalità tajba u bi prezzijiet tajbin. Ġeneralment, l-aktar li nfittex huma l-ħwejjeġ u l-aċċessorji.
Hilda Fenech – 69
Kull meta jarma l-monti Birkirkara, jiġifieri l-Erbgħa u l-Ġimgħa nitla’ nara xi jkun hemm. Nagħmel id-dwejjaq meta jkun maltemp u ma jarmax, għax isservini ta’ ħarġa kull ġimgħa. Indur il-bejjiegħa skont xi jkolli bżonn iżda l-aktar li nħobb huma tal-ħwejjeġ.
Antoinette Barbara – 61 – Mara tad-Dar
Minn mindu waqaft naħdem, nieħu gost indur il-monti, mhux biss t’hawn imma anke ta’ postijiet oħra. L-aktar li nfittex minn hawn huma l-ħwejjeġ, però nixtri affarijiet oħra. Inħobb immur ukoll il-monti ta’ Marsaxlokk għall-ħut u l-‘Farmers’ Market’ għall-ħaxix għax inħoss li jkun hemm iktar għażla minn hemmhekk.