Il-Hospice Malta ġew ippreżentati bil-Premju Ewropew għaċ-Ċittadin għall-2014 f’ċerimonja organizzata mill-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Dar l-Ewropa, il-Belt Valletta. Il-Hospice ġiet nominata għall-premju ta’ din is-sena mis-sitt MEPs Maltin kollha flimkien.
Iċ-Chairperson Lora Cascun irringrazzjat lill-MEPs u faħħret il-kontribut ta’ dawk kollha li flimkien iżommu lill-għaqda għaddejja. “Iċ-‘ċittadin’ f’dan il-każ huwa l-maniġment, l-istaff professjonali tagħna, il-voluntiera kollha, u fuq kollox il-pazjenti nfushom u qrabathom, li jibbenefikaw mis-servizzi li noffru.” Cascun ħabbret li l-Hospice Malta qiegħda tipprova testendi s-servizzi tagħha biex tkun tista’ toffri sostenn lil aktar pazjenti li jkollhom kundizzjonijiet varji.
Hospice Malta temmen fil-ħajja umana u fid-dinjità tal-pazjent, u li kulħadd għandu jkollu aċċess għall-kura paljattiva, qalet Cascun.
L-MEPs Maltin innominaw lil din l-organizzazzjoni “biex jippremjaw l-isforzi nobbli tagħhom fl-għoti tal-kura lil bosta pazjenti u l-familji tagħhom. Il-Hospice ipoġġi valur kbir fuq kull wieħed u waħda minnhom bħala individwi uniċi, irrispettivament mir-razza, reliġjon jew l-istil ta’ ħajja tagħhom.”
F’intervent qasir l-MEPs preżenti faħħru l-ħidma tal-Hospice. “Huwa premju għall-wens u s-solidarjetà li tagħtu” qalet Therese Comodini Cachia filwaqt li rringrazzjat lil kull min b’xi mod huwa involut f’din l-għaqda.
L-MEPs mill-ewwel qablu dwar din in-nomina. “Fil-politika kapaċi ningħaqdu għal affarijiet pożittivi. Dan ir-rikonoxximent hu biss sinjal ta’ kemm aħna kburin bikom,” qalet Miriam Dalli.
Roberta Metsola tkellmet dwar l-importanza li “l-pazjent jibqa’ jingħata d-dinjità sal-aħħar ta’ ħajtu biex sal-aħħar ikollu kwalità tal-ħajja xierqa. Il-Hospice tagħmel dan u aktar, anki fuq livell edukattiv permezz ta’ korsijiet u kwalifiki li toffri l-organizzazzjoni.”
Marlene Mizzi min-naħa tagħha wriet l-apprezzament tagħha għall-għajnuna li tingħata f’mumenti daqshekk diffiċli għall-pazjenti u qrabathom. “Jiena kburija li din il-gratitudni qed nesprimuha b’mod pubbliku. Tirringrazzjawx lilna, aħna għandna nirringrazzjaw lilkom.”
It-tradizzjoni tal-volontarjat ġejja mill-bogħod fl-Ewropa, osserva Alfred Sant. Mill-monasteri sal-kavallieri infermiera, biex “illum nitkellmu dwar mudell soċjali lajk u sekulari fejn l-individwu imma anki l-istat flimkien jipprovdu dik l-għajnuna.” Il-Hospice illum hija wkoll aktar professjonali u laħqet il-bilanċ bejn dik il-professjonalizzazzjoni u l-volontarjat, temm jgħid.