Kwalunkwe mediċina tista’ tkun perikoluża
Ix-xitwa, staġun ta’ ksieħ u ta’ mard
More in Socjali
Ix-xitwa, staġun ta’ ksieħ u ta’ mard
Ħadd ma jieħu gost ikun marid, u meta r-rimedji naturali ma jaħdmux, induru għall-mediċini aktar qawwija. Minkejja dan, huwa importanti li wieħed joqgħod attent fejn jidħlu l-mediċini għaliex dawn kapaċi jkunu xi ħaġa perikoluża jekk ma jkunx ittieħed parir professjonali dwarhom. Bl-istess mod, persuna ma tistax taqbad u tagħmilha ta’ tabib u tagħżel u tiddeċiedi x’inhi l-kura addattata għall-problema li jkollha hi stess.
Ċertu tipi ta’ mediċina bħal paracetamol li jkunu jistgħu jinxtraw mingħajr riċetta tat-tabib tkun tista’ teħodhom mingħajr konsultazzjoni jekk ikun il-każ ta’ xi uġigħ ta’ ras jew xi influwenza, iżda ovvjament anke mediċina ta’ din ix-xorta kapaċi tirriżulta fi problemi. Dan għaliex jekk tkun qed tieħu aktar mid-doża indikata fuq il-pakkett, jew ikun hemm xi taħlita ta’ pilloli mingħajr ir-rakomandazzjoni ta’ professjonist fil-qasam tas-saħħa, kapaċi twassal għal problemi serji. Fil-fatt, kwalunwe mediċina tista’ tkun perikoluża, imma l-aktar perikoluża hi dik li tagħmel effett kbir f’dożi żgħar. Anke l-paracetamol, li hi l-aktar sustanza komuni li tintuża f’kull tip ta’ mediċina, minn pilloli sa misturi li jintużaw minn kulħadd, minn trabi sa anzjani u tista’ ssibha prattikament f’kull dar, tista’ tkun perikoluża. Nieħdu eżempju ta’ xi ħadd li jkollu influwenza jew xi uġigħ ta’ ras u jieħu tip ta’ pillola bil-paracetamol, imma tħoss li mhux tagħmel effett u għalhekk, jieħu tip ieħor ta’ pillola li wkoll ikollha l-paracetamol, ikun qed jeċċedi d-doża ta’ paracetamol li jkun jista’ jieħu. Dan jista’ jwassal għal problemi serji ta’ ħsara fil-fwied fejn b’ammont ta’ 6 pilloli, persuna tkun qed tirriskja li jkollha overdose. Dan jgħodd ukoll għal meta persuna ma tħallix jgħaddi l-ħin neċessarju bejn pillola u oħra li ġeneralment ikun ta’ 4 sigħat għaliex il-ġisem ma jkunx għadu kkonsma u assorba l-paracetamol.
Aktar fil-ħarġa tal-ILLUM