Il-maġġoranza tal-mard fil-kliewi jista’ jkun evitat
Il-Jum Dinji tal-Kliewi . . .
More in Socjali
Il-Jum Dinji tal-Kliewi . . .
“Il-maġġoranza tal-kundizzjonijiet li jikkawżaw il-mard fil-kliewi jistgħu jkunu evitati. Il-mard tal-kliewi hu mard kroniku u għalhekk l-enfasi għandha tkun fuq il-prevenzjoni permezz ta’ check-ups regolari.” Dan qalu Paul Calleja, il-Kap Infermier fit-Taqsima Mard tal-Kliewi fl-isptar Mater Dei li minn naħa tiegħu saħaq ħafna fuq l-importanza tal-prevenzjoni.
Il-Kliewi – organu tant żgħir, iżda ta’ tant importanza għall-benesseri tagħna, fihom kważi daqs ponn il-waħda, jinstabu bejn wieħed u ieħor fuq ġembejk, u ta’ spiss tisma’ lil min, biex juri kemm jgħożż lil xi ħadd, jgħid li lest li jagħtih waħda minn tiegħu. Il-kliewi jneħħu t-tossini u l-ilma żejjed mid-demm. Barra minn hekk jikkontrollaw il-pressjoni tad-demm, jipproduċu ċ-ċelloli ħomor tad-demm u żommu l-għadam b’saħħithom. Jikkontrollaw ukoll il-melħ u l-ilma fid-demm sabiex il-pressjoni tad-demm tibqa’ l-istess. Hu għalhekk li organu ta’ daqstant importanza joħloq problem kemxejn serji meta jieqaf jaħdem sew.
Huwa importanti b’hekk li wieħed jieħu ħsieb il-kliewi tiegħu, speċjalment jekk, fost l-oħrajn għandek pressjoni għolja, issofri mid-dijabete, għandek xi ħadd fil-familja li jbati mill-mard tal-kliewi jew għandek piż żejjed. Aktar ma taqbad il-mard tal-kliewi malajr, aktar faċli li tipprevjeni li l-kliewi tiegħek jieqfu jaħdmu kompletament. Il-prevenzjoni hija importanti, b’mod partikolari għaliex il-mard kroniku tal-kliewi ma juri l-ebda’ sintomu. Persuna tista’ titlef sa 90% tal-funzjoni tal-kliewi tagħha qabel ma biss tibda’ tħoss xi sintomu partikolari.
Biex titqajjem kuxjenza dwar kemm għandna nieħdu ħsieb il-kliewi tagħna, Nhar il-Ħamis 12 ta’ Marzu jiġi ċċelebrat Jum il-Kliewi – jum li għandhu l-għan li jżid il-kuxjenza dwar l-importanza tal-kliewi, x’impatt għandhom il-mard tal-kliewi, u kemm hu importanti li nieħdu ħsiebhom.