Anniversarju ieħor - din id-darba tal-Papa Franġisku li llum, il-Ġimgħa 13 ta' Marzu jagħlaq sentejn imexxi l-Knisja Kattolika. Tul dawn is-sentejn ta sorpriża lid-dinja bir-riformi u xejriet ġodda li ġab fil-Knisja Kattolika. Mingħajr tibdil fit-tagħlim tradizzjonali tagħha, dan il-Papa huwa msemmi għal kemm ipprova juri l-Knisja bħala waħda li taf tagħder iżjed. Fost l-oħrajn, indirizza skandli li ħakmu lill-Knisja fil-passat, anke taħt il-predeċessur tiegħu.
Papa Franġisku, sa minn qabel ma biss sar Papa wera l-impenn tiegħu għall-foqra. Bħala Papa dejjem stqarr li jmexxi "Knisja fqira għall-foqra". F'Novembru tal-2014 ikkritika bil-qawwa l-Kapitaliżmu, fejn fit-test Evangelii Gaudium saħaq li s-sistema ekonomika preżenti tħeġġeġ l-esklużjoni u n-nuqqas ta' ugwaljanza.
Huwa wkoll Papa li jibqa' magħruf wieħed li ħadem sabiex jagħti aktar vuċi lin-nisa. Dan għamlu, fost l-oħrajn, billi ħatar numru ta' nisa f'pożizzjonijiet għolja fil-Vatikan. Iżda fl-istess ħin dan hu Papa li ġie kkritikat talli eskluda kompletament il-possibilità li n-nisa jsiru qassisin.
Fost l-iskandli li ġew indirizzati hemm dawk tal-abbużi sesswali, fejn kien l-ewwel Papa li qatt iltaqa' mal-vittmi ta' dawn l-abbużi. Hu ħa passi ħorox kontra dawk misjuba ħatja ta' abbuż, inkluż it-twaqqief tal-Kummissjoni Pontifika għall-Protezzjoni tal-Minuri, fost l-oħrajn. Iżda bosta jsostnu li l-progress taħt Papa Franġisku xorta għaddej bilmod wisq. Fost l-oħrajn indirizza wkoll temi delikati oħra bħall-ewtanażja, l-abort u l-omosesswalità permezz tat-tnehdija tas-Sinodu Straordinarju dwar il-Familja.
Dan hu Papa li ħa passi f'diversi oqsma tal-Knisja, kemm fuq livell ta' Knisja kif ukoll fuq livell ta' politika internazzjonali - bl-involviment tiegħu fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Uniti u Kuba, kif ukoll fil-Lvant Nofsani, fost l-oħrajn.
Forsi aktar minn xejn, dan hu Papa li bl-umiltà tiegħu seraq il-qlub ta' bosta, li tul it-tmexxija tiegħu s'issa qajjem diskussjonijiet favur daqs kemm qajjem kontra, dwar l-approċċ tal-Knisja u x'post għandha fis-soċjeta tal-lum il-ġurnata.