Naħseb li l-kaċċa fir-rebbiegħa f’Malta m’għadhiex sostenibbli - Joseph Calleja

Il-kampanja SHout tilqa’ bil-ferħ l-istqarrija pubblika li saret mit-tenur u ambaxxatur kulturali għal Malta Joseph Calleja li fiha qal li l-kaċċa fir-rebbiegħa m’għadhiex sostenibbli f’Malta.

F’kitba li ppostja fil-blog tal-websajt tiegħu, Joseph Calleja qal li s-sitwazzjoni rigward il-kaċċa fir-rebbiegħa nbidlet tul is-snin, hekk kif l-ispazju fil-kampanja ċkien u l-għadd ta’ gamiem u summien li wieħed jista’ jispara fuqu naqas.

Romina Tolu, kordinatriċi tal-kampanja SHout qalet, “Nilqgħu bil-ferħ din l-opinjoni maħsuba u kkunsidrata minn Joseph Calleja, wieħed mill-aktar artisti magħrufa u rrispettati f’Malta.”

Tolu kompliet tgħid "Il-kitba ta’ Joseph Calleja turi li dil-kwistjoni qiegħda tgħaqqad ħafna nies li jista’ jkollhom opinjonijiet differenti dwar kwistjonijiet oħra, imma lkoll jaqblu li wasal iż-żmien li nivvutaw ‘le’ għall-kaċċa fir-rebbiegħa f’Malta."

Calleja qal, "Nistgħu nagħmlu l-ħajja ftit aktar faċli għal dawn l-għasafar mingħajr ma jkollhom iħabbtu wiċċhom maċ-ċomb immirat lejhom u l-isparar qawwi qrib l-inħawi fejn jinġabru biex jorqdu. Irridu niftakru li l-kaċċa fir-rebbiegħa f’Malta saret tradizzjoni meta kien hawn għadd kolossali ta’ gamiem u summien, u meta f’Malta kien hawn ferm aktar kampanja u inqas nies. Dan m’għadux il-każ u forsi dawk li qegħdin jiddefendu t-tradizzjoni tal-kaċċa fir-rebbiegħa jridu jaċċettaw il-fatt li l-affarijiet inbidlu tul is-snin."

More in Socjali